Mogħdija tan-navigazzjoni

L-UE żżid l-investiment għal €7.2bn f'għajnuna għat-tibdil fil-klima - 11/12/2009

Bnadar u logos tal-UE u tal-Iżvezja ©EC

Is-samit jindirizza l-iffinanzjar tal-azzjoni favur il-klima u r-riforma finanzjarja

Il-mexxejja Ewropej wiegħdu li jagħtu total ta' €7.2bn matul it-tliet snin li ġejjin biex jgħinu lin-nazzjonijiet ifqar jiffaċċjaw it-tisħin dinji, biex b'hekk jittamaw li jsaħħu l-appoġġ għall-ftehim f'Kopenħagen.

Apparti l-argumenti storbjużi dwar it-trażżin tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, in-negozjaturi waqt il-konferenza tan-NU fil-kapitali Daniża qed jitħabtu biex jiddeċiedu dwar min se jħallas il-kont tal-proġetti għall-adattament tal-klima fid-dinja żviluppata.

F'laqgħa f'Ottubru, il-mexxejja tal-UE ftiehmu li finanzjament pubbliku internazzjonali ta' madwar €5-7bn kien se jkun meħtieġ kull sena sal-2013 - u aktar fit-tul taż-żmien. Ftiehmu wkoll li jikkontribwixxu għall-ġabra dinjija jekk pajjiżi oħra jagħmlu l-istess.

Il-wegħda tal-lum, wara negozjati li damu sejrin matul il-lejl kollu, iżżid il-pressjoni fuq potenzi industrijali ewlenin oħra biex iressqu impenji simili. L-għajnuna għandha tinkludi finanzjament biex jiġu protetti l-kosti, ippreservati l-foresti, immodifikati l-prodotti tar-raba' u biex isseħħ il-bidla minn enerġija ta' fjuwils fossili għal waħda b'karbonju baxx.

"Kuntent li wasalna għal ċifra ambizzjuża dwar finanzjamenti għal bidu mgħaġġel li jeċċedi dak li hu mistenni mill-Unjoni Ewropea," qal il-President Barroso.

"Issa nittamaw li l-oħrajn joħorġu b'ċifri u b'ambizzjonijiet bħal tagħna. Il-finanzjament hu l-qofol biex isir dan il-ftehim."

Il-mexxejja tal-UE ftiehmu wkoll li joħolqu tliet għassiesa kontrolluri biex jissorveljaw il-banek, l-assiguraturi u l-iskambji. Il-Parlament għad irid japprova s-sistema l-ġdida, li l-għan tagħha hu li ma tħallix li sseħħ kriżi finanzjarja oħra.

Huma approvaw strateġija komuni dwar is-salarju tal-bankiera, u bidliet fil-liġijiet tal-UE dwar l-ammont ta' flus kontanti jew ta' assi likwidi oħra li l-banek meħtieġa li jżommu. L-għan hu li jiġi żgurat li l-banek għandhom biżżejjed riżervi biex jipproteġu lilhom infushom waqt reċessjonijiet u biex jikkontrollaw it-teħid imprudenti ta' riskji li taw bidu għal kriżi finanzjarja.

Il-kunsill adotta wkoll aġenda ġdida dwar il-liġi u l-ordni għal ħames snin li ġejjin. Il-"programm ta' Stokkolma" jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi membri f'oqsma li jinkludu r-refuġju, il-kontrolli mal-fruntieri u tal-puliżija. Dan għandu jieħu post il-"programm ta' The Hague English ", li jiġi fi tmiemu f'Diċembru.

Is-samit, l-ewwel wieħed skont it-Trattat ta' Liżbona, miss ukoll il-pjanijiet biex titqawwa l-ekonomija u indirizza s-sitwazzjoni fl-Afganistan u l-impass mal-Iran dwar il-programm nukleari tiegħu.

Filwaqt li esprimew "preokkupazzjoni serja", il-mexxejja tal-UE ħeġġu lill-Iran jikkonforma mingħajr telfien ta' żmien mar-riżoluzzjonijiet tal-kunsill tas-sigurtà tan-NU u mal-għassies kontrollur tan-NU.

Konklużjonijiet tas-samit

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli