Mogħdija tan-navigazzjoni

It-Trattat ta' Liżbona - bidu ġdid għall-UE - 01/12/2009

Kopja tat-trattat ta' Liżbona fuq bandiera tal-UE ©EC

It-Trattat il-ġdid tal-UE beda b'wirja ta' logħob tan-nar fil-belt fejn tnissel.

Kien proċess twil. Iżda llum, it-Trattat ta' Liżbona sa fl-aħħar daħal fis-seħħ, u ġab miegħu mewġa ta' tibdiliet istituzzjonali maħsub biex jissimplifikaw it-teħid tad-deċiżjonijiet u sabiex jagħtu ċertu statura lill-UE fix-xena internazzjonali.

Meqjus bħala l-pedament għal unjoni iktar demokratika, effiċjenti u trasparenti, it-trattat hu l-frott ta' sfida twila biex jinkitbu mill-ġdid ir-regoli interni tal-UE - sfida li saret iktar urġenti biż-żieda ta' 10 pajjiżi ġodda fl-2004.

"It-Trattat ta' Liżbona jqiegħed liċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-proġett Ewropew", qal il-President Barroso. "Ninsab kuntent li issa għandna l-istituzzjonijiet adegwati biex naġixxu u perjodu ta' stabbiltà."

Il-pass storiku kien karatterizzat b'ċerimonja f'Liżbona, fejn it-Trattat ġie ffirmat sentejn ilu.

Biex isir realtà, il-pajjiżi kollha tal-UE kellhom jirratifikawh, proċess li spiċċa reċentement. F'Ottubru, il-votanti Irlandiżi reġgħu lura għall-kaxxa tal-voti, u din id-darba qalu "iva" għat-Trattat. Il-president Ċek, wara dan ir-riżultat, irtira l-oppożizzjoni tiegħu, u b'hekk twarrab l-aħħar ostaklu.

Fit-tħejjija għall-jum il-kbir, il-mexxejja tal-UE ltaqgħu ix-xahar li għadda biex jimlew żewġ karigi maħluqa bit-Trattat. Ħatru lill-Prim Ministru Belġjan Herman Van Rompuy bħala l-ewwel president permanenti tal-UE, u l-kummissarju Catherine Ashton bħala l-kap tal-politika barranija.

Għas-Sur Barroso, il-bidu tat-trattat ifisser li seta' jissokta b'ħidmietu biex jifforma kummissjoni ġdida, u l-ġimgħa li għaddiet ħabbar in-nominati. Barra dan, 18-il MPE eletti f'Ġunju taħt ir-regoli tat-trattat ta' Liżbona issa jistgħu jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament Ewropew.

Dan mhux ħlief il-bidu.

Fost bosta tibdiliet oħra, it-trattat jerġa' jqassam in-numru ta' voti bejn il-pajjiżi membri, u jneħħi l-veto nazzjonali f'numru ta' oqsma. Jespandi l-poteri tal-kummissjoni u jżid l-involviment tal-parlament fil-proċess leġiżlattiv.

Proċess ġdid ta' petizzjoni jagħti l-opportunità liċ-ċittadini biex jinfluwenzaw direttament il-politika tal-UE. Il-karta tad-drittijiet tal-bniedem saret vinkolenti.

It-trattat jemenda t-trattati ta' Ruma u ta' Maastricht, u jagħti qafas legali u għodod ġodda lill-UE biex tindirizza l-isfidi f'dinja dejjem iktar interkonnessa.

Daqqa t'għajn lejn it-Trattat

Il-Parlament Ewropew u t-Trattat ta' Liżbona

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli