Mogħdija tan-navigazzjoni

L-UE timla l-ogħla karigi - 20/11/2009

Herman Van Rompuy, il-Prim Ministru Żvediż Fredrik Reinfeldt, il-President tal-Kummissjoni Barroso, Catherine Ashton

Il-mexxejja Ewropej jagħżlu lill-Prim Ministru Belġjan biex ikun l-ewwel president permanenti tal-UE. Il-Kummissarju għall-kummerċ Catherine Ashton mir-Renju Unit ħadet f'idha l-politika barranija.

Wara negozjati mimlija tensjoni waqt il-laqgħa storika tal-kunsill, id-deċiżjoni dwar il-prim ministru Belġjan Herman Van Rompuy u l-kummissarju Ashton kienet unanima.

Il-President Barroso ferħilhom. "Naħseb li ma setax ikun hemm għażla aħjar minn dawn iż-żewġ personalitajiet għat-tmexxija tal-Unjoni Ewropea."

Imħarreġ bħala politiku u ekonomista Demokristjan, is-Sur Van Rompuy, ta' 62 sena, serva bħala l-prim ministru tal-Belġju għal kważi sena. Ħafna jfaħħruh talli reġa' ġab l-istabbiltà fil-pajjiż wara t-tensjonijiet bejn il-komunità Franċiża u dik Fjaminga.

"Ma fittixtx din il-pożizzjoni għolja. Ma intervenejt bl-ebda mod. Iżda mil-lejla stess, se nassumiha b'konvizjoni," huwa qal.

Fi ftehim mal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill ħatar lil Catherine Ashton, ta' 53 sena, biex tkun ir-rappreżentant għoli għall-affarijiet barranin u l-politika tas-sigurtà tal-UE. Membru tal-Labour Party tar-RU, se tkun ukoll il-viċi president tal-kummissjoni li jmiss li qed tissawwar bħalissa.

Iż-żewġ postijiet inħolqu bit-Trattat ta' Liżbon approvat reċentement, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tal-UE fl-affarijiet dinjin u jissimplifika t-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-president il-ġdid għandu kariga ta' sentejn u nofs. Din il-pożizzjoni se tieħu post il-presidenza b'rotazzjoni fejn Stat Membru wieħed jippresiedi l-laqgħat tal-UE għal sitt xhur.

Ir-responsabbiltajiet ewlenin ta' Van Rompuy huma li jippresiedi l-laqgħat tal-kunsill u jirrappreżenta l-mexxejja tal-UE fil-livell dinji. Se jirrappreżenta wkoll lill-kunsill fir-relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Catherine Ashton se jkollha l-awtorità li tipproponi miżuri ta' difiża u sigurtà. Se jkollha wkoll il-kompitu li tistabbilixxi netwerk ta' diplomatiċi madwar id-dinja biex jappoġġaw il-kariga l-ġdida.

Qalet li kienet sorpriża bil-ħatra tagħha, li għad trid tiġi kkonfermata mill-parlament. "Inħossni onorota u kburija li ġejt mitluba nieħu dan ir-rwol. “

"Se niżgura li nirrappreżenta l-valuri tagħna madwar id-dinja."

Il-post ta' rappreżentant għoli jgħaqqad żewġ portafolli eżistenti: ir-rappreżentant għoli għall-politika barranija u ta' sigurtà komuni u l-kummissarju għar-relazzjonijiet barranin.

L-għażliet isiru uffiċjali bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona fl-1 ta' Diċembru.

 

Il-Kunsill tal-UE jħabbar it-tmexxija l-ġdida għall-Ewropa Englishfrançais

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli