Mogħdija tan-navigazzjoni

L-Iżvezja fit-tmun - 01/07/2009

Il-logo tal-presidenza Żvediża © se2009.eu

L-Iżvezja jmissha l-presidenza b'rotazzjoni ta' sitt xhur tal-Unjoni Ewropea, bl-irkupru ekonomiku u t-tibdil fil-klima fuq l-aġenda tagħha.

L-Iżvezja assumiet il-presidenza b'rotazzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju, bit-tama li toħroġ lill-pajjiżi mir-riċessjoni u twitti t-triq għal suċċess fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima.

Waħda mill-prijoritajiet tal-Iżvezja se tkun il-koordinazzjoni tal-politika nazzjonali tad-defiċit tal-baġit, li kiber hekk kif il-pajjiżi tal-UE qed jonfqu ħafna flus biex iħeġġu t-tkabbir ekonomiku u jsaħħu lill-banek.

Biż-żieda fil-qgħad, l-Iżvezja tixtieq issejjes strateġija ġdida għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku fl-għaxar snin li ġejjin. L-istrateġija kurrenti, adottata fis-sena 2000, se tiskadi s-sena d-dieħla.

Fil-laqgħa tagħhom f'Ġunju, il-mexxejja tal-UE appoġġaw il-proposti tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tas-superviżjoni tal-industrija finanzjarja. L-Iżvezja qed tispera li l-leġiżlazzjoni tgħaddi matul is-sitt xhur tagħha fit-tmun. Il-gvern Żvediż se jħejji wkoll il-pożizzjoni tal-UE għall-Grupp ta' l-20 poter ekonomiku f'Settembru.

Iżda l-Iżvezja tgħid li l-ogħla prijorità tagħha se tkun li tiżgura ftehim ambizzjuż dwar it-tibdil fil-klima fis-samit tan-NU f'Kopenħagen f'Diċembru. Il-Prim Ministru Fredrik Reinfeldt qal li t-tibdil fil-klima jeħtieġ tweġiba globali. "Għandna bżonn inżommu l-Unjoni Ewropea magħquda u nuru tmexxija Ewropea biex inwieġbu għal din l-isfida globali."

F'negozjati qabel il-konferenza, l-Iżvezja se tiddefendi l-pożizzjoni tal-UE favur tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet tas-dijossidu tal-karbonju. Se tipprova tilħaq kunsens għall-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tisħin globali, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

L-Iżvezja ħadet il-presidenza fi żmien ta' tibdil istituzzjonali u ta' inċertezzi. Qed jifforma parlament ġdid wara l-elezzjonijiet f'Ġunju u se tinħatar Kummissjoni ġdida. L-Irlanda mistennija tagħmel it-tieni referendum dwar it-Trattat ta' Liżbona fil-Ħarifa. Is-Sajf li għadda, il-votanti Irlandiżi rrifjutaw it-Trattat. Din kienet daqqa ta' ħarta għall-isforzi biex jiġi ffaċilitat it-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE. Il-pajjiżi kollha jridu jirratifikaw it-Trattat biex dan jidħol fis-seħħ.

Fuq is-sitt xhur li ġejjin, l-Iżvezja trid sforzi konġunti fl-UE biex tindirizza t-tniġġis fil-Baħar Baltiku English u terġa' tqajjem fuq saqajha l-attività ekonomika fir-reġjun, li ntlaqat ħażin mill-kriżi finanzjarja. L-Iżvezja tippjana wkoll li tippromwovi politika komuni tal-kenn u tħeġġeġ il-kooperazzjoni tal-UE dwar l-immigrazzjoni.

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli