Għodod għall-aċċessibilità
Għodod tas-servizz
Selettur tal-lingwa
Mogħdija tan-navigazzjoni

L-azzjoni dwar l-ekonomija u l-bidla klimatika msemmija fost l-istejjer ta' suċċess eżekuttivi tal-UE
Qabel l-elezzjonijet Ewropej, rapport tal-kummissjoni juri xi ftit mill-kisbiet tal-UE f'dawn il-ħames snin. Forsi l-akbar waħda kienet l-unifikazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa li nkisbet permezz tat-tkabbir tal-UE, li seħħ fl-2004 u fl-2007.
"L-Ewropa uriet li hija aktar b'saħħitha u li tista' taħdem effettivament b'27 Stat Membru," qal il-President Barroso filwaqt li ħeġġeġ lill-Ewropej biex jivvutaw fl-elezzjonijiet ta' Ġunju. "Issa huwa ż-żmien għall-Ewropej biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-ġejjieni."
Dwar il-kriżi ekonomika, l-UE tat sehem ewlieni fir-restawr tal-istabilità fis-swieq finanzjarji u biex il-kreditu jerġa' jaqbad miexi. Il-Kummissjoni kienet l-ewwel istituzzjoni internazzjonali li pproduċiet pjan ta' rkupru kredibbli.
L-UE mexxiet ukoll sforzi - fl-Ewropa u fuq livell globali - biex issaħħaħ il-kontroll u s-superviżjoni tas-sistema finanazjarja li hija meqjusa kruċjali għar-restawr tal-kunfidenza tas-sistema u l-prevenzjoni ta' kriżi oħra.
Waqt it-tmexxija tas-Sur Barroso, il-mexxejja u leġiżlaturi tal-Ewropa laħqu qbil dwar aktar minn 470 mill-proposti tal-Kummissjoni, inklużi pakkett ta' liġijiet
storiku biex jissielet kontra t-tibdil klimatiku u jippromwovi enerġija nadifa.
L-Ewropa, bħala waħda minn ta' quddiem li tħabted kontra t-tisħin globali, bdiet ukoll l-akbar suq tal-karbonju multi-nazzjonali fid-dinja u b'hekk ipprovdiet mudell għal pajjiżi oħra li issa qed jikkunsidraw skemi ta' skambju tal-emmisjonijiet.
Il-Kummissjoni poġġiet il-konsumaturi fuq quddiem. L-isforzi tagħha wasslu għal aktar drittijiet għall-passiġġiera tat-trasport pubbliku u tnaqqis serju fir-rati tal-mowbajls.
L-eżekuttiv tal-UE appoġġja wkoll ir-riformi tas-swieq ekonomiċi u tal-impjiegi, mfassla biex l-Ewropa tkun aktar kompetittiva globalment. Irnexxilha tqaċċat 5,000 faċċata ta' liġi tal-UE u issa hija mistennija tilħaq l-għan li tnaqqas il-burokrazija fin-negozji b'25% sal-2012.
"Il-Kummissjoni uriet li tista' twassal benefiċċji veri għaċ-ċittadini Ewropej," qal is-sur Barroso.