Mogħdija tan-navigazzjoni

Stedina biex toħroġ tivvota - 11/05/2009

L-MTV jagħti daqqa t'id lill-UE fil-kampanja elettorali biex iħeġġeġ liż-żgħażagħ joħorġu jivvutaw.

Stħarriġ ġdid jissuġġerixxi li ż-żgħażagħ mhumiex interessati daqs il-ġenituri tagħhom fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f'Ġunju. Din ix-xejra dehret ukoll fil-votazzjoni tal-2004, fejn 40% biss taż-żgħażagħ taħt il-25 sena ħarġu jivvutaw, imqabbla ma' 48% għall-votanti ġenerali.

L-MTV qed jagħmel serje ta' riklami li jippromwovu l-kampanja fuq in-netwerk internazzjonali tiegħu ta' 168 stazzjon. Ir-riklami juru liż-żgħażagħ iwaħħlu lawdspikers fuq għeliem f'Londra, Pariġi u Ruma. Il-messaġġ? Bil-vot, iż-żgħażagħ jistgħu jsemmgħu leħinhom.

"Iż-żgħażagħ huma l-futur tal-Unjoni Ewropea. Neħtieġu l-ideat u l-involviment attiv tagħhom. Jeħtieġ li jsiru jafu li l-opinjoni tagħhom tgħodd," qalet il-viċi president tal-Kummissjoni Margot Wallström. Dan jispjega s-slogan: Tista' tismgħani?

Illum il-Parlament Ewropew għandu ħafna iktar poteri (fosthom poter fuq l-infiq) minn meta saru l-ewwel elezzjonijiet fl-1979. Iżda n-nies li joħorġu jivvutaw qed jonqsu ftit ftit mit-62% li vvutaw fl-ewwel elezzjoni. Bħala parti mill-isforzi biex tiddawwar din ix-xejra, il-kampanja ta' din is-sena qed tisħaq fuq l-'għażla' minflok fuq id-'dmir ċiviku', li kienet it-tema preċedenti.

Għall-kampanja, hemm ukoll websajt fejn iż-żgħażagħ jistgħu jesprimu x-xewqat u l-ideat tagħhom. Jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-paġna permezz ta' Twitter.

L-elezzjonijiet għas-736 membru tal-parlament se jsiru mill-4 sas-7 ta' Ġunju fis-27 pajjiż tal-UE.

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli