Mogħdija tan-navigazzjoni

Eluf iżuru bi ħġarhom l-Istituzzjonijiet ta' l-UE - 11/08/2008

Viżitaturi fil-bini Berlaymont waqt open day

Għalkemm mhumiex xi Versailles, l-entitajiet ta' l-UE xorta jiġbdu lejhom numri kbar ta' viżitaturi

Forsi l-Kummissjoni Ewropea ma tqishiex bħala xi attrazzjoni turistika, speċjalment fis-sajf meta kulħadd donnu jerħilha għal fuq xatt il-baħar. Imma, is-sena li għaddiet, il-fergħa eżekuttiva ta' l-UE fi Brussell żaruha 43,000 persuna.

Il-biċċa l-kbira tagħhom ġew minn madwar l-Ewropa, speċjalment minn Franza u l-Ġermanja tefgħa ta' ġebla bogħod. Fost dawk li feġġew minn barra l-UE, aktar minn nofshom kienu Amerikani.

Tistenniex xi mawra ggwidata tal-bini ikoniku magħruf bħala l-Berlaymont, fejn għandhom l-uffiċċji tagħhom is-27 Kummissarju, imma s-servizz għall-viżitaturi tal-Kummissjoni joffri preżentazzjonijiet ġenerali li żgur ikabbrulek l-għarfien tiegħek dwar l-UE. Dawn is-sessjonijiet jittellgħu fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi u jikkonsistu f'taħdita ta' 90 minuta segwita minn sessjoni ta' domandi u risposti. Dawn huma bla ħlas, imma jrid ikollok talanqas 15-il sena u tkun tifforma parti minn grupp organizzat. Tajjeb tippjana li tibbukkja xi xaharejn jew tliet xhur qabel.

Konferenzi informattivi aktar speċjalizzati, li jvarjaw minn nofs ġurnata sa massimu ta' jumejn, jistgħu jittellgħu għall-ġurnalisti, l-istudenti u gruppi speċjali oħra. Il-programmi huma mfassla għal interessi speċifiċi u l-grupp ikollu ċ-ċans jikkonsulta ma' xi impjegati tal-Kummissjoni.

Ma tistax titla' Brussell? Xorta tista' żżur il-Kummissjoni permezz tal-uffiċċju rappreżentattiv tagħha f'pajjiżek. L-uffiċċju jista' wkoll jagħtik pariri dwar il-fondi biex tkopri l-ispejjeż, irrispettivament minn fejn issir iż-żjara.

Il-Kummissjoni mhix l-unika Istituzzjoni ta' l-UE li jista' jinteressak iżżur. Il-Kunsill ta' l-UE wkoll joffri konferenzi informattivi, filwaqt li l-Parlament Ewropew jilqa' kemm individwi kif ukoll gruppi organizzati bil-bini tiegħu fi Brussell, Strasbourg u l-Lussemburgu. Tista' tipparteċipa f'sessjoni sħiħa jew tattendi xi avveniment pubbliku.

Jekk xorta jibqagħlek xi mistoqsijiet, imbagħad hemm il- hotlineta' l-UE. Tista' ċċempel bla ħlas u n-numru huwa l-istess madwar l-Ewropa kollha. Jew inkella tista' tagħti titwila lil xi wieħed mill-bosta ċentri ta' l-informazzjoni ta' l-UE imxerrda madwar is-27 pajjiż membru.

Barra minn hekk, l-Istituzzjonijiet ta' l-UE jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku għal ġurnata waħda fis-sena.

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli