Mogħdija tan-navigazzjoni

Drittijiet ġodda jfissru li x-xerrejja jistgħu jixtru b’fiduċja fl-UE - 23/12/2013

Xerrej iwettaq xiri onlajn b'laptop u l-karta ta' kreditu f'idu

It-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumatur se jagħti aktar protezzjoni lix-xerrejja kull fejn jixtru fl-UE, b’mod partikolari onlajn.

L-introduzzjoni dan ix-xahar ta’ drittijiet ġodda tal-konsumatur fit-28 pajjiż kollha tal-UE għandha trendi x-xiri onlajn jew fil-ħwienet fit-toroq - aktar sikur għall-507 miljun abitant tal-Ewropa.

Skont ir-regoli l-ġodda, inti għandek 14-il jum biex tirritorna l-oġġetti jekk tbiddel fehmtek għal kwalunkwe raġuni wara li tixtri onlajn jew bit-telefown jew bil-posta. Dan il-perjodu biex terġa' taħsibha japplika fl-UE kollha.

Barra minn hekk, in-negozjanti jridu jagħtuk flusek lura – inklużi l-ispejjeż tal-konsenja - fi żmien 14-il jum jekk tiddeċiedi li tikkanċella. In-negozjanti li jixtiequ lix-xerrejja jħallsu l-ispiża tar-ritorn tal-prodotti jekk jerġa’ jibdielhom iridu jkunu ċari dwar dan minn qabel.

Aktar trasparenza

Ix-xerrejja se jkunu jistgħu wkoll igawdu minn drittijiet aktar qawwija ta' kanċellazzjoni wara li jixtru b'segwitu ta' żjara fid-dar minn negozjant jew meta jixtru l-oġġetti permezz tal-irkanti onlajn.

Il-projbizzjoni fuq il-kaxxi ttikkjati minn qabel għal xiri onlajn tfisser li meta tixtri biljetti tal-ajru, pereżempju, mhux se tispiċċa tixtri l-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar ukoll mingħajr ma jkollok intenzjoni tixtriha.  S'issa, il-konsumaturi li ma ridux servizzi żejda spiss kellhom ineħħu l-kaxxi ttikkjati.

Ebda spejjeż moħbija

In-negozjanti issa se jkollhom jagħmlu ċar l-ispiża totali tax-xiri ta' prodott jew servizz. Dan ifisser li mhux se tintlaqat minn spejjeż żejda jew spejjeż oħra jekk ma kontx infurmat dwarhom qabel ma tordna.

Minn issa 'l quddiem, il-ħlasijiet żejda għall-użu tal-karti ta’ kreditu se jiġu limitati. Dan ifisser li n-negozjanti ma jistgħux jitolbu ħlas ogħla mill-ispiża reali li jġarrbu talli joffru dan il-mezz ta’ ħlas.

Se tispiċċa wkoll il-prattika li tinżamm tistenna fuq numru tal-hotline b'rata primjum li tiswa ħafna flus, minħabba li r-regoli l-ġodda jipprojbixxu lin-negozjanti li joperaw hotlines milli jimponu ħlas ogħla mir-rata bażika għas-sejħiet standard bit-telefown.

Is-sett il-ġdid tad-drittijiet tal-konsumatur – li jieħu post 4 direttivi – oriġinarjament kien miftiehem fl-2011. Il-pajjiżi tal-UE mbagħad kellhom sa Diċembru 2013 biex jimplimentaw id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur fil-liġi nazzjonali.

Mistoqsijiet Frekwenti: Drittijiet imsaħħa għall-konsumaturi

Proposta tal-Kummissjoni (2008)

Regoli dwar id-drittijiet tal-konsumatur (2011) English

Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur English (en)

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli