Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-pjan ambizzjuż tal-UE jista’ jnaqqas l-użu tal-boroż tal-plastik bi 80% - 08/11/2013

Biċċa xogħol tal-arti, magħmula għal kollox mill-iskart tal-plastik, biex tqajjem għarfien dwar l-effiċjenza tar-riżorsi

L-UE tista’ tnaqqas radikalment l-użu tal-boroż tal-plastik li jintremew matul l-erba’ snin li ġejjin, skont pjanijiet imressqa din il-ġimgħa mill-Kummissjoni.

Skont il-proposta, il-pajjiżi tal-UE huma mitluba li jiskoraġġixxu l-użu tal-boroż tal-plastik, kif jidhrilhom li hu l-aħjar li jagħmlu dan. L-għażliet jinkludu taxxa jew projbizzjoni tal-użu ta’ basktijiet tal-plastik, jew l-implimentazzjoni ta’ mira ta’ tnaqqis nazzjonali.

Bħala medja, kull Ewropew bħalissa juża kull sena 198 borża tal-plastik li jintużaw darba biss kull sena, ji[ifieri medja ta' borża kull jum għal kull dar. Iżda l-użu annwali jvarja konsiderevolment madwar l-UE, minn erbgħa għal kull persuna fid-Danimarka u l-Finlandja sa 466 fil-Polonja, il-Portugall u s-Slovakkja.

Inbiddlu l-imġiba tal-konsumatur

Bosta pajjiżi tal-UE li introduċew tariffi obbligatorji fuq l-użu ta’ boroż tal-plastik li jintremew esperjenzaw tnaqqis drammatiku fl-użu tal-boroż meta pereżempju, il-konsumaturi jkollhom iħallsu kull darba li jużaw borża.

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-100 biljun borża tal-plastik mogħtija mis-supermarkits u ħwienet oħra kull sena huma użati biss darba għal madwar 20 minuta, dawn jieħdu mijiet ta’ snin biex jitmermru u kull sena 8 biljun minnhom jispiċċaw fix-xmajjar u l-lagi jew iħammġu t-toroq u l-kampanja.

Impatt ambjent fatali

Il-boroż li jinġarru fil-baħar spiss jispiċċaw jinbelgħu mill-annimali tal-baħar u l-għasafar – u l-konsegwenzi huma xi kultant fatali għall-balieni, il-bumerini u l-gawwi kif ukoll għal ħafna varjetajiet ta' fkieren fil-periklu li jinqerdu. Fil-Baħar tat-Tramuntana, l-istonkijiet ta’ 94% tat-tjur kollha fihom il-plastik. Fit-tarf l-ieħor tal-Ewropa, il-boroż tal-plastik huma responsabbli għal 73% tal-iskart tal-plastik miġbur mill-bastimenti tat-tkarkir tul il-kosta tat-Toscana.

L-UE tispera li l-pjan tagħha se jgħin biex jinbiddlu l-attitudnijiet lejn il-konsum u r-rimi tal-iskart.

Il-proposti l-ġodda japplikaw biss għall-basktijiet tal-plastik irqaq, peress li dawn x'aktarx huma aktar diffiċli li jiġu riċiklati jew użati mill-ġdid minn boroż eħxen.

Il-proposti huma t-tweġiba tal-Kummissjoni għal sejħiet mill-Ministri tal-Ambjent tal-UE għal azzjoni fil-livell tal-UE kollha. Il-proposti jibnu fuq konsultazzjonijiet pubbliċi estensivi li kisbu appoġġ wiesa’ għal inizjattiva madwar l-UE kollha.

Stqarrija għall-istampa – Pjan biex jonqos l-użu tal-boroż tal-plastik

Filmat – Intemmu l-vizzju tal-boroż tal-plastik English

Mistoqsijiet frekwenti English

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli