Mogħdija tan-navigazzjoni

Ngħinu lil min ipejjep iwaqqaf it-tipjip - 20/12/2012

© iStockPhoto

Pjan ġdid li jipprojbixxi kemm togħmiet qawwija li jaħbu t-tabakk u stqarrijiet qarrieqa bħal 'ħfief' fuq il-pakketti tas-sigaretti.

Kull sena, it-tipjip joqtol kważi 700,000 ruħ fl-Ewropa. Dan l-ammont jirrappreżenta madwar il-popolazzjoni ta' belt daqs Frankfurt. Miljuni oħra jbatu minn mard marbut mat-tipjip, bħall-kanċer u mard tal-qalb u mard respiratorju.

Il-liġijiet attwali tal-UE għandhom 11-il sena u huma antikwati. Issa nafu ħafna aktar dwar it-togħmiet użati fit-tabakk u l-effettività tat-twissijiet tas-saħħa.

Hawn ukoll prodotti ġodda fis-suq, u l-pajjiżi tal-UE rreaġixxew b’modi differenti dwar l-introduzzjoni ta' liġijiet, il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ. Dan wassal għal aktar protezzjoni f'xi pajjiżi tal-UE milli f'oħrajn.

Il-pjan il-ġdid tal-Kummissjoni jaffettwa:

L-ittikkettar u l-ippakkjar – is-sigaretti kollha u l-pakketti tat-tabakk tal-brim għandu jkollhom stampa u messaġġ ta' twissija tas-saħħa li jgħatti 75% tal-pakkett. Kull pakkett għandu jinforma wkoll lil min ipejjep li d-duħħan tat-tabakk fih aktar minn 70 sustanza li jikkawżaw il-kanċer.

L-ingredjenti – is-sigaretti kollha, it-tabakk tal-brim u li ma jdaħħanx li jkollu togħma qawwija li taħbi t-togħma tat-tabakk se jiġi pprojbit, kif ukoll il-prodotti b'tossiċità għolja iktar min-normal u b'effett ta' dipendenza.

It-tabakk li ma jdaħħanx – il-projbizzjoni tas-snus – varjant tat-tabakk tal-imnieħer, ħlief fl-Isvezja, li għandha eżenzjoni. Il-prodotti kollha għandu jkollhom twissijiet tas-saħħa, u l-produtturi għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet qabel ma jqiegħdu prodotti ġodda fis-suq.

Il-prodotti li fihom in-nikotina – meta l-livell tan-nikotina jkun taħt ċertu limitu, il-pakketti għandu jkollhom twissija tas-saħħa, kif ukoll is-sigaretti erbali. 'Il fuq minn dan il-limitu, il-prodotti se jkunu awtorizzati biss meta jkunu mediċinali.

Ix-xiri onlajn – il-verifikazzjoni tal-età se tiżgura li t-tabakk ma jinbiegħx lit-tfal jew lill-adolexxenti.

Il-kummerċ illegali – sistemi ta insegwiment u traċċar, flimkien ma' aspetti tas-sigurtà bħall-ologrammi, se jiżguraw li l-prodotti li jikkonformaw mar-regoli tal-UE biss jinbiegħu fl-UE.

Il-Kummissjoni tittama li dawn il-miżuri l-ġodda se jagħmlu t-tipjip inqas attraenti u jiskoraġġixxu liż-żgħażagħ milli jibdew ipejpu. Madwar 70% ta' dawk li jpejpu bħalissa jibdew qabel l-età ta' 18-il sena, u 94% qabel 25 sena.

Aktar dwar il-politika tal-UE kontra t-tabakk

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli