Mogħdija tan-navigazzjoni

Rispons għad-diżastri: ngħinu lill-pajjiżi jgħinu lil xulxin - 13/08/2010

Ajruplan qed jitfa l-ilma fuq nirien fil-foresta © EU

L-UE tikkoordina l-għajnuna ta' emerġenza għall-pajjiżi fil-bżonn.

Fis-sajf fl-Ewropa spiss ikun hemm għargħar u nirien qerrieda, u l-2010 ma kinitx eċċezzjoni. Iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) English tal-UE jiżgura li l-pajjiżi milquta jirċievu għajnuna fil-pront.

Iċ-ċentru, ibbażat fi Brussell, huwa miftuħ lejl u nhar u jimmonitorja l-emerġenzi mad-dinija kollha u jikkoordina r-riżorsi tal-UE għall-operazzjonijiet ta' għajnuna. Il-MIC jittratta kull tip ta' diżastru - magħmul mill-bniedem jew naturali - u jaġixxi bħala ċentru ta' komunikazzjoni bejn il-pajjiżi. Meta jirċievu talba għall-għajnuna, l-uffiċjali inkarigati javżaw lill-pajjiżi donaturi potenzjali u jqabblu l-offerti ta' għajnuna mal-bżonnijiet fuq il-post. Minbarra li jiġbor tagħmir u forniment ieħor, l-MIC jista' wkoll jibgħat esperti fil-qasam fil-post tad-diżastru.

Pereżempju fl-Lulju, il-Portugall talab tagħmir biex jiġġieled in-nirien fil-foresta. Tliet pajjiżi rrispondew fil-pront, u l-Portugall aċċetta l-offerta ta' żewġ ajruplani li jitfu n-nar mill-Italja.

Qabel dan, ir-Rumanija talbet għajnuna minħabba għargħar li ħalla 25 vittma u fi ftit sigħat irċeviet offerti ta' għajnuna minn erba' pajjiżi tal-UE.

Iċ-ċentru dalwaqt jista' jkollu rwol ikbar. F'dawn l-aħħar snin, in-nirien fil-foresta, l-għargħar u n-nixfa saru ħafna iktar komuni u gravi fl-Ewropa, għalhekk hemm sejħa għal politika li tiffoka iktar fuq il-prevenzjoni.

Il-Kummissjoni tixtieq tbiddel l-MIC f'ċentru operattiv bir-riżorsi tiegħu - li jkunu jistgħu jintużaw immedjatament. Hemm ukoll pjanijiet għal netwerk ta' taħriġ dwar id-diżastri u sistema ta' twissija bikrija madwar l-Ewropa kollha.

L-MIC, li ġie stabbilit fl-2001, jistgħu jirrikorru għalih il-pajjiżi barra mill-UE wkoll sakemm l-UE taqbel li tgħin. Dan sar pereżempju wara t-terrimoti f'Ħaiti u fiċ-Ċili u iktar reċentement, it-tixrid taż-żejt fil-Golf tal-Messiku.

Ir-Russja għadha kif sfat vittma ta' nirien devastanti u għalkemm l-awtoritajiet għad iridu jitolbu l-għajnuna mill-MIC, bosta pajjiżi tal-UE qed jipprovdu l-għajnuna. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Catherine Ashton esprimiet ukoll id-disponibilità tal-UE li toffri l-appoġġ, kemm matul u kemm wara d-diżastru.

Iktar informazzjoni dwar il-protezzjoni ċivili Ewropea English

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli