Għodod għall-aċċessibilità
Għodod tas-servizz
Selettur tal-lingwa
Mogħdija tan-navigazzjoni
Tiftix għal ideat biex jittejbu s-servizzi tal-ferrovija, tal-enerġija u tal-banek - uġigħ ta' ras kbira għall-konsumaturi fl-Ewropa.
Stħarriġ reċenti tal-UE sab li l-parti l-kbira tal-konsumaturi mhumiex kuntenti bis-servizzi tal-karozzi tal-linja u tal-ferroviji fl-ibliet fejn jgħixu, b'ħafna minnhom jilmentaw dwar is-servizzi bankarji u s-setgħa tagħhom u dwar il-kumpaniji tal-gass.
Għalhekk mhix sorpriża li s-servizzi - partikularment it-trasport, l-enerġija u l-banek - din il-ġimgħa huma l-mira ta' konferenza tal-UE dwar il-politika tal-konsumatur
.
F'dan l-avveniment ta' jumejn ġew mistiedna jipparteċipaw dawk li jfasslu l-politika, id-difensuri tal-konsumaturi, ir-rappreżentanti tal-industrija u gruppi interessati oħra. Għal bosta minnhom, kienet l-ewwel okkażjoni li jiltaqgħu ma' John Dalli, il-Kummissarju l-ġdid għall-affarijiet tal-konsumatur tal-UE.
L-UE qed tipprova tiżviluppa strateġija komuni dwar il-politika tal-konsumatur fl-Ewropa, kemm biex tipproteġi lill-konsumaturi kif ukoll biex tneħħi l-ostakli li jimminaw il-kummerċ. Iżda dan qed juri li hu diffiċli.
Il-prodotti, is-servizzi u t-tattiċi ta' bejgħ, aktar ma jgħaddi żmien aktar qed isiru sofistikati u l-konsumaturi qed jiffaċċjaw għażliet aktar kumplessi. Sadattant is-swieq Ewropej qed jiżviluppaw b'mod mgħaġġel bħala reazzjoni għal kummerċ elettroniku (kummerċ-e) u l-globalizzazzjoni tal-kummerċ.
L-UE kellha wkoll 175 miljun konsumatur ġdid ma' minn tikkontenda wara t-tkabbir tagħha fl-2004 u l-2007. U d-dħul tal-ewro għamilha eħfef għall-Ewropej li jixtru bejn il-fruntieri.
Dawn it-tibdiliet kollha ħawdu l-kwistjonijiet ta' aċċess, għażla u korrettezza fil-politika dwar il-konsumatur. Ittamat li l-konferenza twassal ideat lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.
Kien hemm għażla ta' sitt gruppi ta' ħidma, li kopriet firxa ta' kwistjonijiet inklużi l-ħlas għall-kontijiet tal-bank, is-sejba tal-fornitur ta' servizz xieraq u t-trasport sostenibbli fl-ibliet.
F'diskors fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-konsumatur aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kummissarju Dalli qal li hu se jkompli bl-isforzi biex jiġu żviluppati sett ta' regoli komuni u ċari u biex il-pajjiżi membri jinforzaw il-liġijiet eżistenti.
Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni stabbilixxiet ħames prijoritajiet biex tirrinforza l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, inklużi sorveljanza aħjar tas-suq u aktar kooperazzjoni bejn il-fruntieri.
Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li jkun hemm aktar "verifiki" - iċċekkjar mingħajr avviż ta' suq mill-awtoritajiet ta' inforzar f'diversi pajjiżi fl-istess waqt. Verifiki reċenti mmiraw id-dwal tal-Milied u s-servizzi tal-mowbajls.