Mogħdija tan-navigazzjoni

Wara Kopenħagen - 21/12/2009

José Manuel Barroso waqt il-konferenza f'Kopenħagen © EU

Barroso jgħid li l-ftehim kien pass pożittiv iżda ma kienx ambizzjuż biżżejjed għall-UE.

Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso wera d-diżappunt tiegħu bil-ftehim mislut fl-aħħar mumenti fil-konferenza dwar il-klima f'Kopenħagen, u qal li dan kien "ħafna anqas" mill-aspettattivi tal-UE.

Anqas minn tliet paġni twil, il-patt fih nuqqas ta' elementi li l-UE tikkunsidrahom kruċjali, inklużi nuqqas ta' miri kollettivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Mhux biss ma jirnexxilux jistabbilixxi l-2010 bħala l-limitu taż-żmien biex jiġi konkluż trattat, iżda lanqas biss isemmi l-ħtieġa ta' ftehim li jorbot legalment.

Anki dan kien għaldaqstant diffiċli li jintlaħaq. Hekk kif il-ħin beda għaddej, in-negozjati dehru li wasslu fit-tarf ta' falliment, bil-pajjiżi industrijalizzati u dawk żviluppati jargumentaw dwar kif jiżguraw li pajjiżi li qed jiżviluppaw b'mod mgħaġġel isegwu l-wegħdiet li jillimitaw l-emissjonijiet.

Il-konferenza, skedata li tintemm il-Ġimgħa, imbagħad kompliet għaddejja hekk kif mexxejja mid-dinja tlewmu dwar jekk kellhomx jaċċettaw ftehim jew kellhomx imorru lura b'idhom f'idhom. Is-Sibt, wara lejl ta' dibattitu sħun, iddeċidew li "jieħdu nota" tal-patt.

"Mhux se naħbi d-diżappunt tiegħi," qal il-President Barroso. "Il-livell ta' ambizzjoni onestament ma kienx dak li konna qed nittamaw."

Madankollu, hu qal, "dan il-ftehim hu aħjar minn ebda ftehim".

Il-ftehim jinħtieġ it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra "bl-għan" li t-tisħin globali jinżamm taħt iż-2°C, il-livell meqjus bħala l-limitu li lil hinn minnu t-tibdil fil-klima ma jibqax aktar kontrollabbli. Hu jitlob lill-pajjiżi żviluppati biex jagħmlu tnaqqis profond u veru. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jibdew inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom u jirrapportaw ir-riżultati tagħhom kull sentejn, b'"dispożizzjonijiet għall-konsultazzjonijiet u analiżi internazzjonali".

Se jkun f'idejn il-pajjiżi individwali li jiddeterminaw safejn lesti jaslu. Il-ftehim jikkwota l-2015 bħala l-limitu taż-żmien għal reviżjoni tal-azzjoni meħuda, iżda l-pajjiżi għandhom jiddikjaraw il-miri tagħhom sal-aħħar ta' Jannar.

Il-konferenza falliet ukoll milli twassal ftehim komprensiv dwar il-kumpens li pajjiżi għandhom jingħataw biex jippreżervaw il-foresti, li għandhom rwol kruċjali fit-tnaqqis tat-tibdil tal-klima.

Forsi l-aktar riżultat tanġibbli kien ftehim mill-pajjiżi żviluppati li jonfqu $30bn (€21bn) matul it-tliet snin li ġejjin u $100bn (€70bn) sal-2010 biex jiffinanzjaw proġetti f'pajjiżi fqar sabiex tigi promossa enerġija nadifa u biex jiġu ffaċċjati n-nuqqas ta' xita, il-livelli li qed jogħlew tal-baħar u tibdiliet klimatiċi oħrajn. L-UE wegħdet €7.2bn mill-€21bn bħala finanzjament ta' bidu immedjat, li huma mistennija jiġu minn diversi sorsi, kemm privati kif ukoll pubbliċi.

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli