Mogħdija tan-navigazzjoni

L-ibliet itejbu l-aċċess għall-persuni b'diżabilità - 03/12/2010

Raġel għami b'bastun © EU

L-UE tippremja lil Avila, fi Spanja bħala l-iktar belt aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità.

Avila, magħrufa għall-ħitan medjevali u l-ħafna knejjes, irċeviet l-ewwel Access City Award (premju lill-ibliet aċċessibbli) tal-UE għall-impenn tagħha biex issir iktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità.

Il-premju annwali jagħmel parti mill-istrateġija tal-UE biex jitjieb l-aċċess għall-persuni b'diżabilità u jiġi żgurat drittijiethom fl-UE kollha. Il-premju tnieda biex iqajjem kuxjenza dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b'diżabilità fiż-żoni urbani u jfaħħar l-ibliet li neħħew wħud mill-ostakli għall-mobilità tagħhom.

Avila, li tinsab fil-lvant ta' Madrid, rebħet il-premju għal ħidmietha biex ittejjeb l-aċċessibilità għall-bini pubbliku, ir-riżultat ta' ppjanar urban maħsub sewwa mill-2002 f'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità u tal-anzjani. Il-belt ipprovdiet ukoll lis-settur privat b'inċentivi biex jimxu fl-istess direzzjoni u tejbet l-aċċess għall-attrazzjonijiet turistiċi u għall-impjiegi.

Avila, flimkien ma' Barċellona, fi Spanja; Kolonja, fil-Ġermanja; u Turku, fil-Finlandja kienu l-finalisti għall-premju, magħżula fost 66 belt Ewropea li daħħlu fil-kompetizzjoni.

Il-premju ġie ppreżentat fi Brussell bħala parti mill-Jum Ewropew tal-Persuni b'Diżabilità, u saret ukoll konferenza ta' jumejn, li spiċċat fit-3 ta' Diċembru.

Ir-rikonoxximent reċiproku tal-karti tal-identità nazzjonali għal persuni b'diżabilità, l-opportunità ta' studju u xogħol barra minn pajjiżhom, l-iskemi tas-sigurtà soċjali, u l-aċċess għal attivitajiet ta' rikreazzjoni u kulturali kienu fost is-suġġetti li ġew diskussi.

It-titjib tal-aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità hu wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità għall-2010-2020, adottata f'Novembru 2010.

Fost proposti oħrajn, l-istrateġija titfa' enfasi fuq azzjonijiet li jippromwovu l-aċċess tal-persuni b'diżabilità għall-bini, it-trasport u servizzi oħra, u għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

Madwar 80 miljun ruħ li jgħixu fl-UE għandhom xi forma ta' diżabilità żgħira jew kbira. L-ostakli fiżiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom, bħall-aċċess għall-iskola jew għall-post tax-xogħol, ifissru li jistgħu jsofru minn esklużjoni soċjali. Livelli baxxi ta' impjieg u edukazzjoni jfissru li r-rata tal-faqar għal dawk b'diżabilità hija 70% aktar għolja mill-medja.

Iktar dwar il-politiki tad-diżabilità

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli