Mogħdija tan-navigazzjoni

L-Ewropej għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli biex jaħdmu barra minn pajjiżhom - 13/07/2010

Żagħżugħa qed timmarka reklami għal xogħol f'gazzetta © EC

Stħarriġ juri li wieħed minn kull żewġ Ewropej huwa lest li jiċċaqlaq jekk ma jkunx jista' jsib xogħol f'pajjiżu

Madwar 11.3 miljun Ewropew jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE li mhux pajjiżhom, 4 miljuni iktar minn għaxar snin ilu. Madankollu, dan isarraf f' 2.3% biss tal-popolazzjoni tal-UE.

Dawn iċ-ċifri ssemmew illum fir-rapport tal-UE English bħala prova li mhux biżżejjed Ewropej jużaw id-dritt tagħhom li jaħdmu fejn iridu fl-UE - wieħed mill-ikbar benefiċċji tas-suq uniku Ewropew u fattur importanti għas-suċċess tiegħu.

Ir-rapport jipprovdi aġġornament dwar id-drittijiet tal-ħaddiema immigrati fl-UE fid-dawl ta' deċiżjonijiet tal-qorti li wessgħu l-ambitu f'dawn l-aħħar għaxar snin. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet, pereżempju, li ħaddiema jinkludi nies impjeġati temporanjament jew atleti mħallsa biex jilgħabu f'pajjiżi oħra tal-UE.

Ir-rapport huwa parti minn sforz ġdid biex isir eħfef li l-Ewropej jaħdmu barra minn pajjiżhom fl-UE. Il-pjan ekonomiku ġdid tal-UE għal għaxar snin jidentifika forza tax-xogħol iktar lesta li tiċċaqlaq bħala mezz kif jitnaqqas il-qgħad, li żdid f'daqqa bir-riċessjoni. Ir-rata ta' qgħad kienet 9.6% f'Mejju, mqabbla ma' 6.8% fl-istess xahar fl-2008, qabel il-kriżi finanzjarja.

"Il-mobbiltà tal-ħaddiema tista' tgħin biex jonqos il-qgħad billi jitqabblu n-nies mal-impiegi disponibbli," qal László Andor, il-Kummissarju għall-Impiegi. "L-Ewropej jafu b'dan iżda għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli biex jiċċaqalqu madwar l-Ewropa għax-xogħol."

Stħarriġ ippubblikat mar-rapport juri li 48% tal-Ewropej jikkunsidraw li jfiċċu xogħol f'pajjiż jew reġjun ieħor jekk jitilfu l-impieġ tagħhom. U 17% jimmaġinaw lilhom infushom jaħdmu barra minn pajjiżhom fil-futur.

Minbarra ostakli legali, l-Ewropej iħabbtu wiċċhom ma' ostakli amministrattivi u prattiċi. Id-dar, il-lingwa u impieġ għall-konjuġi huma biss ftit mill-fatturi li jinfluwenżaw il-mobbiltà bejn pajjiż u ieħor.

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli