Mogħdija tan-navigazzjoni

Negozjant jaqra l-gazzetta ©EC

Hekk kif l-ekonomija qed tqum fuq saqajha, il-pajjiżi tal-UE se jkollhom iwaqqfu l-miżuri meħuda fi żmien il-kriżi. Iżda meta?

Bl-agħar reċessjoni mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn diġà ntilfu iktar minn 4 miljuni impjiegi maħluqa fl-Ewropa f'dawn l-aħħar għaxar snin. U bil-qgħad li għadu qed jiżdied, għalkemm b'rata iktar kajmana, in-numru mistenni jilħaq 7.5 miljuni sal-aħħar tal-2010.

Iżda s-sitwazzjoni setgħet kienet agħar. Rapport tal-UE maħruġ illum jgħid li ż-żieda fil-qgħad ma kinitx daqstant għolja daqs kemm kien mistenni mill-waqgħa fil-produzzjoni. Skont ir-rapport, il-miżuri meħuda fi żmien il-kriżi u l-appoġġ finanzjarju mill-UE, għenu biex jittaffa l-impatt fuq is-swieq tax-xogħol.

Meta l-kriżi ekonomika ħakmet lill-Ewropa, ħafna mill-pajjiżi ħadu passi biex jevitaw li jkun hemm ħafna sensji. Wħud minnhom espandew is-sistemi tal-benefiċċji soċjali tagħhom biex jinkludu iktar persuni qiegħda u ħadu passi biex jillimitaw is-salarji, l-aktar fost l-impjegati pubbliċi. U ħafna minnhom żiedu l-appoġġ finanzjarju għal skemi li jinkuraġġixxu lin-negozji jnaqqsu n-numru ta' sigħat tal-impjegati tagħhom minflok ma jkeċċuhom.

Ir-rapport jgħid li tali miżuri salvaw għexur ta' eluf ta' impjiegi. Iżda dawn kellhom ikunu biss temporanji. Issa li l-ekonomija qed tirkupra l-Kummissjoni qed twissihom li jistgħu jxekklu t-tkabbir ekonomiku u jkomplu jtawlu l-perjodu tal-qgħad.

Ir-rapport jgħid li l-pajjiżi bl-iktar ekonomiji b'saħħithom għandhom jibdew iwaqqfu s-sussidji u skemi oħra relatati mal-protezzjoni tal-impjiegi u jkomplu bir-riformi fit-tul biex jagħmlu s-swieq tax-xogħol tagħhom iktar flessibbli u siguri.

Iżda x'se jiġri mill-pajjiżi bi prospetti mhux daqstant sbieħ, partikolarment dawk bl-ogħla defiċits fil-baġit tagħhom waqt li qed jippruvaw jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħom? Il-kummissjoni tirrakkomanda li jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq il-ħolqien tal-impjiegi minflok fuq il-protezzjoni tal-impjiegi, biex il-persuni qiegħda ma jibqgħux inattivi fit-tul. Iżda żżid tgħid li l-pajjiżi li se jkollhom l-iktar telf ta' impjiegi s-sena d-dieħla, għalissa jistgħu jżommu l-miżuri eżistenti.

Ir-rapport issa se jgħaddi għand il-ministri Ewropej għall-Impjiegi, għat-tħejjija ta' pjan ġdid tal-UE għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Il-pjan preċedenti, l-"Istrateġija ta' Liżbona", jiskadi fl-2010.

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli