Mogħdija tan-navigazzjoni

Għajnuna lill-qiegħda - 16/12/2008

Karozzi fuq linja ta' produzzjoni f'fabbrika © KE

Il-ħaddiema li qed jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-kriżi ekonomika se jirċievu għajnuna minn fond tal-UE.

Issa li l-kriżi finanzjarja qed tħalli l-effetti tagħha fuq l-ekonomija, l-UE trid tillaxka r-regoli dwar l-għajnuna għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja.

Il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex tespandi l-ambitu tal-fond Ewropew tal-globalizzazzjoni u tagħmilha iktar faċli għall-pajjiżi biex jikkwalifikaw għall-għajnuna.

Il-fond għandu baġit annwali ta' €500m li jistgħu jintużaw biex jgħinu lill-qiegħda jsibu impjieg. Ġeneralment il-pajjiżi jużaw dawn il-flus biex jiffinanzjaw għat-taħriġ u l-benefiċċji għal dawk li jkunu qed ifittxu xogħol.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw għall-għajnuna meta minħabba tibdil fix-xejriet tad-dinja, kumpanija jkollha tagħlaq jew tiċċaqlaq, li jwasslu biex jintilfu 1,000 impjieg jew aktar.

Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li tnaqqas dan il-limitu għal 500 u tinkludi ħaddiema mogħtija s-sensja minħabba problemi ekonomiċi oħrajn, mhux biss in-negozju globali. Hija trid tirdoppja l-perjodu tal-għajnuna minn sena għal sentejn u titlob inqas kofinanzjamenti mill-gvernijiet tal-UE.

Bħalissa l-gvernijiet iridu jagħtu l-istess ammont li jirċievu mill-fond. Bir-regoli l-ġodda jkunu jistgħu jirċievu 'l fuq minn tliet darbiet l-ammont li jikkontribwixxu.

Il-Kummissjoni approvat ir-rilaxx ta' madwar €68m mill-fond minn meta tnieda fl-2007. Madwar 15,000 ħaddiem irċevew l-għajnuna, inklużi 1,600 li tilfu l-impjieg tagħhom din is-sena meta l-produttur tal-partijiet tal-karozzi Delphi għalaq il-fabbrika tiegħu f'Cádiz, Spanja, u żied il-produzzjoni f'fergħa eżistenti fil-Marokk.

L-ekonomija tal-UE qed tibda tħoss l-effetti tal-agħar kriżi finanzjarja mid-Dipressjoni l-Kbira tas-snin 30. Il-manifattura Ewropea qed tiċkien u l-qgħad qed jogħla.

In-numru ta' qiegħda fl-UE żdied b'290,000 f'Ottubru (skont l-aħħar ċifri disponibbli) u r-rata tal-qgħad kienet ta' 7,1%, meta mqabbla ma' 7,0% f'Settembru. Kienet 6,9% f'Ottubru 2007.

Fiż-żona tal-ewro, il-qgħad żdied għal 7,7% f'Ottubru, meta mqabbel ma' 7,6% f'Settembru. Kien 7.3% f'Ottubru 2007.

Ir-regoli proposti huma biss parti waħda mill-istrateġija tal-UE biex tindirizza l-kriżi. Biex issalva u toħloq l-impjiegi fil-futur qrib, il-Kummissjoni qed tipproponi li tadotta l-użu ta' finanzajment reġjonali għall-pjan ta' rkupru ekonomiku tal-UE. Biex tgħin lill-persuni jsibu impjieg l-istrateġija tinkludi wkoll pjanijiet għal aktar koordinazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-miżuri kollha għandhom l-għan li jsaħħu l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi DeutschEnglishespañolfrançaisitaliano.

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli