Mogħdija tan-navigazzjoni

Nixjieħu fuq il-post tax-xogħol - 24/11/2008

Persuni ta' età ikbar jittajpjaw fuq il-kompjuters © KE

Hekk kif il-ġenerazzjoni tal-"baby boomers" qed jilħqu l-età tal-irtirar, ħafna minnhom qed ikomplu jaħdmu.

Numri dejjem jikbru ta' Ewropej qed jagħżlu li jaħdmu iktar fit-tul, xejra opposta għal dik ta' qabilha li kienet tippreferi l-irtirar kmieni. Dan huwa żvilupp li jista' jtaffi l-problema tal-popolazzjoni li qed tikber fl-età tal-UE.

Rapport ġdid juri li r-rati tal-impjieg għal kważi l-etajiet kollha żdied sew mis-sena 2000. Dan hu partikolarment minnu għall-ġenerazzjoni tal-"baby boomers" li twieldu wara l-isplużjoni fil-popolazzjoni ta' wara t-tieni gwerra dinjija.

Li tingħata għajnuna lill-persuni kbar fl-età biex jibqgħu jaħdmu jew jibqgħu attivi hija waħda mill-istrateġiji ewlenin tal-UE biex tindirizza l-isfida tal-popolazzjoni li qed tikber fl-età. Ħaddiema kbar fl-età jħabbtu wiċċhom ma' bosta ostakli, inklużi liġijiet li jwaqqfu lil persuni li jirċievu pensjoni milli jaħdmu u restrizzjonijiet fuq ċerti attivitajiet minħabba problemi ta' assigurazzjoni. Dawn kienu fost il-kwistjonijiet diskussi din il-ġimgħa fit-Tieni Forum dwar id-Demografija Ewropea.

Peress li l-Ewropej qed jgħixu iktar u qed ikollhom inqas tfal, l-età medja qed togħla. Il-bidla lejn ġenerazzjoni ikbar fl-età għandha implikazzjonijiet ewlenin għall-ekonomija u s-soċjetà b'mod ġenerali. U bil-"baby boomers" li issa qed jilħqu l-età tal-irtirar, il-kwistjoni qed issir ħafna iktar urġenti.

Imwielda bejn l-1946 u l-1964, il-ġenerazzjoni tal-"baby boomers" ilha għal żmien twil tifforma l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema. Hekk kif jibdew jikbru fl-età, se jkollhom bżonn tal-kura tas-saħħa, tal-pensjonijiet, tal-akkomodazzjoni u tal-kura fil-komunità - u fuq skala ikbar minn qatt qabel. Iżda se jkun hemm inqas persuni fl-età li jaħdmu biex isostnuhom.

Il-popolazzjoni fl-età li taħdem għadha qed tikber, iżda b'rata li nieżla malajr. F'sitt snin, it-tkabbir mistenni li jieqaf, u n-numru ta' dawk bejn l-20 u d-59 sena se jibda jonqos - b'1,5 miljuni kull sena.

L-esperti jaqblu li hu kruċjali li l-"baby boomers" jibqgħu attivi u jkomplu jaħdmu, iżda x'jaħsbu l-persuni ikbar fl-età dwar dan? L-istħarriġ juri li wieħed minn żewġ Ewropej irid jaħdem iktar mill-età legali tal-irtirar.

Din hi pjuttost bidla mis-snin disgħin, meta l-irtirar kmieni kien qed isir iktar popolari. F'ħafna pajjiżi tal-UE, il-persuni jistgħu jieqfu jaħdmu ta' 50 sena jekk jaqblu li jirċievu pensjoni iktar baxxa.

Illum qed naraw ix-xejra opposta. Ir-rapport juri li fl-2007, 50% tal-irġiel u 30% tan-nisa kienu għadhom qed jaħdmu ta' 60 sena, 10% iktar mis-sena 2000.

Aqra r-rapport dwar id-demografija tal-2008 sħiħ.

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli