Mogħdija tan-navigazzjoni

Niftħu s-suq tax-xogħol - 18/11/2008

L-istrixxun tal-European Job Days © KE

Rapport jiskopri li m'għadx hemm bżonn tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-ħaddiema mill-pajjiżi membri l-ġodda tal-UE.

Meta fl-2004 l-UE kibret, xi wħud mill-15-il pajjiż diġà preżenti fl-UE inkwetaw li se jispiċċaw mgħarrqa b'ammont kbir ta' ħaddiema mill-Ewropa ċentrali u tal-Lvant.

Għaldaqstant ingħataw il-permess jirristrinġu l-aċċess fis-swieq tax-xogħol tagħhom, sabiex jagħmluha aktar diffiċli għaċ-ċittadini l-ġodda jaħdmu hemm. L-istess restrizzjonijiet ġew imposti fuq il-Bulgarija u r-Rumanija meta ssieħbu fl-2007.

Issa jidher li dan il-biża' kien bla bżonn. Skont rapport ġdid tal-UE, ġew bosta aktar ħaddiema minn barra l-blokka miilli mxew mill-Ewropa tal-Lvant għal dik tal-Punent. Mhux talli hekk, imma talli minħabba li l-kriżi ekonomika naqqset id-domanda għax-xogħol, dawn l-influssi ta' ħaddiema mistennija jkomplu jonqsu.

Hemm ftit li xejn evidenza li numri sostanzjali ta' ħaddiema lokali tilfu x-xogħol minħabba ħaddiema ġodda jew li l-pagi tbaxxew. Għall-kuntrarju, ħaddiema mill-pajjiżi membri l-ġodda tal-UE kienu barka għall-ekonomiji l-"qodma" għax imlew in-nuqqas ta' ħaddiema li kien hemm f'bosta oqsma.

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tħeġġeġ il-pajjiżi tal-UE jneħħu xi restrizzjonijiet li fadal u jagħtu l-membri l-ġodda aċċess sħiħ għas-swieq tax-xogħol tagħhom. “Id-dritt li wieħed jaħdem f'pajjiż ieħor huwa libertà fundamentali għan-nies fl-UE,” qal il-Kummissarju għall-impjieg Vladimír Špidla. "Nitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw jekk ir-restrizzjonijiet temporanji għall-moviment ħieles għadx hemm ħtieġa għalihom wara li rajna l-evidenza fir-rapport tal-lum."

L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka u l-Ġermanja biss għadhom jimponu dawn ir-restrizzjonijiet fuq it-tmien pajjiżi mill-Ewropa ċentrali u tal-Lvant li ssieħbu fl-UE fl-2004. Iżda bosta pajjiżi għad għandhom restrizzjonijiet fuq il-ħaddiema mill-Bulgarija u r-Rumanija. Kieku jneħħuhom ikunu qed jgħinu biex jissolvew problemi minħabba swieq tax-xogħol magħluqa, bħal xogħol mhux iddikkjarat u self-employment falz.

Illum-il ġurnata, iċ-ċittadini mill-Istati Membri ġodda mil-Lvant jiffurmaw madwar 0.9% mill-popolazzjoni tal-membri tal-UE fil-Punent. Fl-2003, iċ-ċifra kienet 0.4%. Mill-banda l-oħra, il-persentaġġ ta' ċittadini mhux tal-UE li jgħixu fil-15-il pajjiż oriġinali tal-UE kiber minn 3.7% fl-2003 għal-4.5% illum.

Il-maġġoranza taċ-ċittadini mil-Lvant tal-UE li jaħdmu fil-Punent huma mill-Polonja, il-Litwanja u s-Slovakkja, u l-aktar li jmorru huwa fl-Irlanda u r-Renju Unit, żewġ pajjiżi li fetħu s-swieq tax-xogħol tagħhom minnufih. Ir-Rumeni aktar jaħdmu fi Spanja u fl-Italja.

Rapport dwar il-mobilità tal-ħaddiema DeutschEnglishfrançais

Interessat li taħdem barra?

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli