Għodod għall-aċċessibilità
Għodod tas-servizz
Selettur tal-lingwa
Mogħdija tan-navigazzjoni
Il-kumpaniji jfaħħru l-benefiċċji ta' li wieħed jaħdem barra minn pajjiżu fil-fieri tal-impjiegi madwar l-Ewropa.
Matul il-ftit ġimgħat li ġejjin, in-negozji se jkunu preżenti fil-fieri tal-impjiegi madwar l-UE sabiex jirrakkomandaw l-benefiċċji ta' meta wieħed jaħdem f'pajjiż ieħor tal-UE. Il- Ġranet Ewropej tax-Xogħol, li qed jittellgħu għat-tielet darba, huma parti mill-isforz tal-UE sabiex, permezz ta' aktar mobilità tal-ħaddiema, jingħelbu n-nuqqasijiet fl-ammonti neċessarji ta' ħaddiema f'ċerti pajjiżi u reġjuni. Is-sena li għaddiet attendew 150,000 persuna li kienu qed ifittxu x-xogħol, u xi wħud minnhom irnexxielhom jiksbu ċans ta' intervista hemmhekk stess.
Aktar minn 500 avveniment marbut mal-impjiegi se jittellgħu bejn it-22 ta' Settembru u l-aħħar ta' Ottubru.Minbarra il-fieri tradizzjonali tal-impjiegi, is-servizz tal-impjiegi tal-UE (il-EURES), se jorganizza avveniment bi sħab mal-Ġermanja u l-Iżvizzera fuq il-lanċa li taqsam il-Lag Constance. Avvenimenti bi sħab oħra se jkunu dawk bejn l-Awstrija u l-Ungerija fuq it-trejn minn Szombathely sa Mattersburg u bejn Franza u l-Italja fuq it-trejn Sanremo-Nizza.
Bosta industriji fl-Ewropa jsibuha diffiċli jimlew il-postijiet tax-xogħol battala li jkollhom, b'mod partikolari fil-każ ta' pożizzjonijiet li jirrikjedu ħiliet avvanzati. Minħabba f'hekk, aktar u aktar negozji qed jippruvaw iħajru lill-ħaddiema minn pajjiżi oħra tal-UE. Imma din mhix xi ħaġa ġieb u laħaq. L-Ewropej diffiċli taqlagħhom minn posthom, anke jekk tofrilhom xogħol aqwa b'paga aħjar.
Skont stħarriġ tal-2007, mal-5 miljun Ewropew – jiġifieri madwar 2.2% tal-forza tax-xogħol – ħallew arthom biex jgħixu fi Stat Membru ieħor. Din il-figura żdiedet kemm kemm f'dawn l-aħħar snin, imma mhix qed tiżdied bl-istess rata bħal dik dwar il-ħaddiema li mhumiex ċittadini tal-UE, li llum ilaħħqu 3.8% tal-forza tax-xogħol fl-UE. Meta jiġu mistoqsija għaliex ma jixtiequx imorru jaħdmu f'pajjiż ieħor, l-Ewropej isemmu t-tħassib tagħhom dwar l-impatt li dan jista' jkollu fuq ħajjet familthom jew d-diffikultà li jitgħallmu lingwa ġdida u li jadattaw għal kultura oħra. Jinkwetaw ukoll fuq l-aċċess għas-servizzi soċjali u dwar kif jistgħu jiksbu rikonoxximent għall-kwalifiki tagħhom f'pajjiż ieħor.
L-UE ħadet passi sabiex tagħmel is-swieq tax-xogħol aktar trasparenti u sabiex tipproteġi l-jeddijiet taċ-ċittadini li jmorru jaħdmu u jgħixu f'xi pajjiż ieħor tal-UE. Imma xorta għad fadal bosta ostakli legali li jxekklu l-mobilità tal-ħaddiema, minkejja l-eżistenza tas-suq waħdieni.
Fost miżuri oħra sabiex tittejjeb il-mobilità nsibu n-netwerk EURES, li jħaddan fih 'il fuq minn 5,000 uffiċċju lokali tal-impjiegi u 750 konsulent speċjalizzat fil-mobilità tal-ħaddiema. Dawk li qed ifittxu x-xogħol għandhom aċċess għal 1.4 miljun impjieg f'kull waqt permezz tal-portal EURES, filwaqt li min iħaddem jista' juża dan is-servizz biex jimla l-postijiet battala li jkollu.