Mogħdija tan-navigazzjoni

It-tbassir ekonomiku tal-UE - It-tkabbir jinfirex fuq bażi akbar - 05/05/2014

Karti tal-flus euro jiffurmaw vleġeġ li jippuntaw 'il fuq u 'l isfel

Id-dehra ġenerali ekonomika tal-UE qed titqawwa. Filwaqt li indikaturi ewlenin qed juru li t-tkabbir tal-PDG qed jirranka għall-ġejjieni qarib, il-kundizzjonijiet għal irkupru sostenut fiż-żmien medju qed jitjieb ukoll.

L-indikaturi ewlenin kollha qed jikkonfermaw dan l-irkupru kontinwu  

Mill-l-aħħar tbassir tax-Xitwa tal-Kummissjoni, id-dehra ġenerali kemm għall-UE kif ukoll għaż-żona tal-euro qed tikkonferma rkupru sieket iżda kontinwu. Wara tkabbir reali fil-PDG ta' 1.6% fl-UE u 1.2% fiż-żona tal-euro fl-2014, l-attività mistennija taċċellera fl-2015 għal 2% u 1.7% rispettivament. Għalkemm jippersistu d-differenzi fit-tkabbir ekonomiku, id-distakk bejn il-pajjiżi li sejrin l-aħjar u dawk li għad għandhom id-diffikultajiet se jonqos. Fl-2015, l-ekonomiji kollha tal-UE mistennija jerġgħu jikbru.

Siim Kallas, Viċi President tal-Kummissjoni qal: "L-irkupru issa rranka. Id-defiċits naqsu, l-investiment qabad ġmielu u l-aktar importanti, is-sitwazzjoni tal-impjieg qabdet sejra għall-aħjar. Sforzi kontinwi ta' riforma mill-Istati Membri u l-UE nfisha qed iħallu l-frott. Din il-bidla strutturali kontinwa tfakkarni fit-tibdil profond li l-ekonomiji tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant għaddew minnha fid-disgħinijiet, marbuta mas-sħubija tagħhom fl-UE eżattament 10 snin ilu. L-esperjenza tagħhom urietna kemm huwa importanti li nħaddnu riformi strutturali minn kmieni u li nibqgħu nirsistu, jiġri x'jiġri. B'dan l-ispirtu, ma nistgħux innaqqsu l-isforzi tagħna biex noħolqu aktar impjiegi għall-Ewropej u nsaħħu l-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku."

Il-qagħad 

Il-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol qabad jitjieb fl-2013. Madankollu, minħabba li hemm biss tkabbir ekonomiku limitat għaddej u minħabba d-dewmien tipiku bejn l-irkupru u l-impjieg, ftit li xejn mistenni ħolqien ta' impjiegi reali fi żmien qasir. 

Hu mbassar li l-qagħad fiż-żona tal-euro u l-UE jonqos xi ftit din is-sena. Fl-2015, ir-rata mistennija tkun ta' xi 10.1% fl-UE u 11.4% fiż-żona tal-euro. Differenzi sinifikanti se jkomplu fost il-pajjiżi tal-UE fuq il-perjodu mbassar (4.8% fl-Awstria u 26% fil-Greċja din is-sena).

L-inflazzjoni

L-inflazzjoni mistennija tibqa' baxxa għal xi żmien. Il-fatturi wara l-inflazzjoni baxxa fil-prezzijiet tal-konsumaturi huma: tnaqqis fil-prezzijiet tal-komoditajiet, iż-żieda fil-valur tal-euro, domanda kontinwament dgħajfa u gwadann fil-kompetittività tal-pajjiżi tal-UE 

Mil-livell baxx ta' 0.8% fiż-żona tal-euro u 1% fl-UE fl-2014, l-inflazzjoni għandha tiżdied xi ftit fl-2015, għal medja ta' 1.2% u 1.5% rispettivament. 

Il-finanzi pubbliċi 

Waqt il-perjodu 2011-13, ġie implimentat tnaqqis sostanzjali fl-infiq pubbliku f'bosta pajjiżi tal-UE. Bis-saħħa ta' dawn l-isforzi u kundizzjonijiet imtejba, il-qagħda tal-politika fiskali issa saret aktar newtrali.

Fl-2014, id-defiċits tal-baġit mistennija jkunu ta' madwar 2.5% tal-PDG fl-UE u ż-żona tal-euro. Il-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG tal-UE mistenni jilħaq il-quċċata tiegħu din is-sena f'madwar 90% (96% fiż-żona tal-euro), qabel jaqbad jinżel mill-2015 'il quddiem.

Stqarrija għall-istampa - tbassir tar-Rebbiegħa 2014

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli