Mogħdija tan-navigazzjoni

M'hemmx lok għal min jaħrab mit-taxxa - 14/06/2013

Karti tal-ewro fuq gazzeta bil-kelma “taxxa” fuqha © iStock/code6d

Il-proposta se testendi r-regoli tal-UE dwar skambju obbligatorju ta’ informazzjoni finanzjarja personali biex tkopri d-dħul kollu.

Il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa jweġġgħu lil kulħadd. In-nies li illegalment jevitaw li jħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxi jċaħħdu lill-gvernijiet minn flus li kieku jkunu jistgħu jintużaw biex jimplimentaw politiki ekonomiċi u soċjali, u jtejjbu l-ħajja taċ-ċittadini.

Mod kif dawk li jqarrqu jevitaw li jħallsu t-taxxa huwa li jaħbu d-dħul li jkunu qalgħu f’pajjiż ieħor mill-awtoritajiet fil-pajjiż fejn jgħixu u fejn normalment jiġu intaxxati.

L-UE tipprova tevita li dan ma jseħħx fi ħdan il-fruntieri tagħha. Ir-regoli attwali tal-UE jirrikjedu lir-Renju Unit, l-Irlanda u l-pajjiżi membri l-oħra kollha sabiex jiġbru informazzjoni dwar id-dħul fit-territorju tagħhom minn persuni mhux residenti.

L-awtoritajiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda mbagħad għandhom jipprovdu din l-informazzjoni lill-pajjiżi tal-UE fejn dawn in-nies fil-fatt jgħixu, biex id-dħul tagħhom ikun jista’ jiġi ntaxxat – u l-pajjiżi tal-UE għandhom jibagħtu wkoll kwalunkwe informazzjoni dwar residenti tar-Renju Unit u tal-Irlanda lir-Renju Unit u l-Irlanda.

Iżda l-ambitu tar-regoli attwali ma jinkludix id-dħul kollu, u l-Kummissjoni trid tagħlaq dawn il-lakuni – wara talba biex tagħmel dan minn pajjiżi tal-UE.

Din hija r-raġuni għaliex, mill-2015, il-pajjiżi se jkunu wkoll meħtieġa li jiskambjaw informazzjoni dwar id-dħul tal-individwi mill-impjiegi, il-paga tad-diretturi, l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, il-pensjonijiet u l-proprjetà.

Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li tagħlaq saħansitra iktar lakuni billi testendi l-iskambju ta’ informazzjoni sabiex jinkludi wkoll id-dividendi, il-qligħ kapitali, dħul finanzjarju ieħor u l-bilanċi tal-kontijiet.

Strateġija internazzjonali komuni

Standard komuni għall-iskambju tal-informazzjoni dwar it-taxxa jevita sitwazzjoni fejn il-pajjiżi tal-UE jkollhom taħlita ta’ ftehimiet bilaterali separati mal-Istati Uniti u ma’ pajjiżi oħra barra l-UE.

Dan għandu jiżgura wkoll li l-pajjiżi kollha tal-UE jibbenefikaw minn informazzjoni addizzjonali. Il-pajjiżi jkunu f’qagħda aħjar biex jivvalutaw u jiġbru t-taxxa dovuta f'pajjiżhom.

L-UE se tkun ukoll f’pożizzjoni aħjar għan-negozjar biex tagħti spinta għal standards ogħla ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fuq livell dinji.

F’Diċembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat pjan dettaljat li jisħaq fuq rispons iktar effettiv tal-UE kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Il-pjan jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bħala standard internazzjonali.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-pajjiżi tal-UE biex tiżgura li jkun hemm pożizzjoni qawwija u unifikata tal-UE dwar standard internazzjonali fil-laqgħa li jmiss tas-samit tal-G8 (Ġunju 2013) u fis-samit tal-G20 (Settembru 2013).

Aktar informazzjoni dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa English

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli