Mogħdija tan-navigazzjoni

Tbassir ekonomiku tal-ħarifa - l-irkupru jieqaf - 10/11/2011

Sitt ħaddiema © EU

L-iżvilupp ekonomiku tal-UE se jibqa' kważi wieqaf għal kollox fl-2012 u jerġa' jibda jiċċaqlaq bil-mod fl-2013. Il-qgħad mistenni jibqa' għoli bħal ma hu bħalissa.

L-indikaturi kollha qed juru rkupru mwaħħal b'riskji qawwija li jkompli nieżel.

Mhu mistenni ebda żvilupp ekonomiku fis-simestri li ġejjin. Għaldaqstant, il-PGD mbassar li se jikber b'rata ta' ½% biss fl-UE u fiż-żona tal-ewro fl-2012. Mistenni jkun hemm xi ċaqliq fl-2013 meta l-iżvilupp mistenni jilħaq 1½% fl-UE u 1¼% fiż-żona tal-ewro. Filwaqt li r-rati tal-iżvilupp għandhom ikunu differenti madwar l-Unjoni, l-istaġnar se jaffettwa lill-pajjiżi kollha.

L-inċertezza li tkompli fis-swieq finanzjarji minħabba s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi f'xi ekonomiji taż-żona tal-ewro kif ukoll il-biża' li jistgħu jittieħdu l-pajjiżi ewlenin taż-żona tal-ewro se jikkontribwixxu għall-iżvilupp dgħajjef. Id-dgħjufija tal-ekonomija dinjija, inkluża ta' xi msieħba ferm importanti tal-UE, se ssaħħaħ din it-tendenza.

It-tbassir jassumi li l-fiduċja tibda terġa' tfeġġ fit-tieni nofs tal-2012 bl-għajnuna tal-implimentazzjoni ta' miżuri politiċi li jikkontrollaw il-kriżi tad-djun sovrani.

Is-swieq tax-xogħol mistennija jistaġnaw

It-tkabbir fl-impjiegi mistenni jieqaf għal kollox fl-2012. Ir-rata tal-iżvilupp tal-ekonomija proġettat jibqa' għaddej lil hinn mill-orizzont tat-tbassir, mhuwiex meqjus biżżejjed biex jissarraf f'xi żieda fis-swieq tax-xogħlijiet. Għalhekk il-qgħad mistenni jibqa' fl-istess livell għoli ta' bħalissa, jiġifieri 9.5%. Iżda s-swieq tal-impjiegi tal-istati membri se jkomplu jkunu differenti minn xulxin.

Il-finanzi pubbliċi għandhom jitjiebu bil-mod il-mod

Il-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi għamlet progress fl-2011. Id-defiċits fiskali ta' dis-sena mistennija jieqfu f'4¾% tal-PGD fl-UE u ħarira 'l fuq minn 4% fiż-żona tal-ewro. Id-defiċits mistennija jinżlu għal ftit inqas minn 4% u 3½% tal-PGD fl-UE u ż-żona tal-ewro rispettivament fl-2012.

Skont it-tbassir, il-proporzjon bejn id-dejn u l-PGD fl-UE se jilħaq madwar 85% fl-2012, u mbagħad jistabilizza fl-2013. Però, fiż-żona tal-ewro, ir-rata tad-dejn se tkompli tikber bil-mod u taqbeż 90% tal-PGD fl-2012.

L-inflazzjoni mistennija taqa' taħt it-2%

Minħabba pressjoni inqas mill-prezzijiet tal-enerġija, l-inflazzjoni mistennija taqa' taqt 2% fl-2012. L-attività ekonomika dgħajfa u ż-żidiet ċkejknin fil-pagi suppost se jikkontrollaw l-inflazzjoni waqt il-perjodu mbassar.

Jibqgħu importanti ir-riskji fit-tbassir

Tliet riskji ewlenin jidhru li qed jagħmlu pressjoni fuq l-UE u l-ekonomija taż-żona tal-ewro: l-inċertezza assoċjata mad-dejn sovran, id-dgħjufija tal-industrija finanzjarja u l-kummerċ dinji kajman. Hemm il-possibbiltà ta' dinamika negattiva: Żvilupp aktar kajman jista' jaffettwa lid-debituri sovrani, li d-dgħufija tagħhom tispiċċa biex tiddeterjora s-saħħa tal-industrija finanzjarja li mbagħad ma tkunx tiflaħ tappoġġa it-tkabbir ekonomiku.

Fuq nota pożittiva, jekk ikun hemm ritorn ta' fiduċja aktar bikri milli mistenni, nistgħu naraw spinta fl-investiment u l-konsum privat. Barra minn hekk, titjib fl-ambjent estern bħal spinta friska fit-tkabbir globali, jista' jkollu impetu ġdid fl-esportazzjoni tal-UE. Il-prezzijiet dejjem jitbaxxew tal-komoditajiet jafu jikkontribwixxu wkoll għal konsum aktar dinamiku.

It-tbassir li jmiss, li se jkun wieħed interim, għandu joħroġ fi Frar 2012. Warajh jiġi tbassir sħiħ f'Mejju 2012.

Aktar tagħrif fit-tbassir ekonomiku sħiħ tal-ħarifa 2011 English

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli