Ir-regoli l-ġodda għas-suq uniku tal-UE se jagħmluha eħfef biex wieħed jgħix
u jinnegozja kullimkien fl-Ewropa.
Is-suq uniku hu wieħed mis-sisien tal-UE. Twaqqaf sabiex il-persuni,
il-prodotti, is-servizzi u l-kapital ikunu jistgħu jiċċaqalqu fl-Unjoni Ewropea
kollha.
Madankollu għadhom jeżistu lakuni bejn ir-regoli u dak li jiltaqgħu miegħu
n-negozjanti u n-nies meta dawn joperaw jew jaqsmu l-fruntieri. Il-Kummissjoni
żvelat żewġ settijiet ta' azzjonijiet biex tiżgura li s-suq uniku jkompli
jtejjeb il-ħajja tan-nies u sabiex l-ekonomija tal-UE ssir aktar
kompetittiva.
L-Att dwar is-Suq Uniku għandu jissimplifika l-ħajja għan-negozji ż-żgħar,
li jammontaw għal aktar minn 99% tal-kumpaniji tal-Ewropa u għandu jgħin biex
isolvi l-problemi li n-nies jiltaqgħu magħhom meta jsifru, jistudjaw, jaħdmu,
jiżżewġu, jixtru dar jew karozza f'pajjiż ieħor tal-UE.
Il-50 azzjoni tas-suq uniku jinkludu:
- aċċess eħfef għall-finanzji mogħtija lin-negozji ż-żgħar, simplifikazzjoni
tar-regoli tal-kontabilità u aċċess imtejjeb għall-kuntratti pubbliċi
- trawwim ta' intraprenditorjat soċjali biex jittejjeb l-aċċess għall-ikel,
l-akkomodazzjoni fid-djar, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u s-servizzi
bankarji.
- jiżguraw li dawk li għandhom id-drittijiet tal-awtur, inklużi l-artisti,
ikunu jistgħu jbigħu xogħolhom fl-UE kollha biex jiżdied il-kummerċ onlajn
- inaqqsu l-burokrazija fl-għarfien tal-kwalifiki professjonali kollha f'UE
billi jiġu introdotti karti tal-identità professjonali
Matul it-tliet snin li ġejjin, it-tieni sett ta' 25 azzjoni li se jagħmlu
eħfef ħajjet iċ-ċittadini Ewropej jinkludi:
- tisħiħ tad-drittijiet tat-turisti u tal-passiġġieri billi pereżempju
tingħatalhom protezzjoni jekk il-fornitur tal-ivvjaġġar ifalli, jekk titjira ma
titlaqx fil-ħin jew titħassar
- l-konsumaturi jingħatalhom għajnuna meta jkollhom problemi ma' negozju
f'pajjiż ieħor, permezz ta' ftehim li jsir barra l-qrati mingħajr dewmien u
mingħajr ħafna spejjeż
- jagħtu garanziji lill-koppji internazzjonali dwar liema liġi tal-pajjiż
tapplika għad-dar b'pussess komuni jew għall-kontijiet tal-bank
- jintroduċu skambju elettroniku li jippermetti lill-ħaddiema jittrasferixxu
d-drittijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom lejn pajjiż ieħor
- jissimplifikaw il-proċeduri biex tkun irreġistrata karozza mixtrija
f'pajjiż ieħor tal-UE.
Aktar dwar is-suq uniku tal-UE 

Aktar dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE