Mogħdija tan-navigazzjoni

Defiċit eċċessiv - Ċipru, id-Danimarka u l-Finlandja jingħaqdu fil-lista tal-pajjiżi sorveljati - 16/06/2010

Muniti tal-ewro © EU

12-il pajjiż ħadu azzjoni effettiva biex isaħħu l-baġit tagħhom.

Ċipru, id-Danimarka u l-Finlandja issa ngħaqdu mal-pajjiżi membri b'defiċit tal-gvern ikkunsidrat għoli biżżejjed biex jippreżenta theddida fl-ekonomija Ewropea ġenerali. Il-Kummissjoni issa qed tirrakkomanda li dawn jitqiegħdu fl-elenku tal-pajjiżi li jeħtiġilhom aktar skrutinju tal-finanzi pubbliċi.

S'issa, 12-il pajjiż membru ħadu azzjoni li skont il-Kummissjoni kienet effettiva biex inaqqsu d-distakki, jaqtgħu l-infiq tal-gvern u jintroduċu miżuri li jagħtu spinta lid-dħul kif imwiegħed. Fosthom insibu l-Irlanda, l-Italja, il-Portugal u Spanja - 4 pajjiżi fiċ-ċentru tal-problema ta' djen nazzjonali għoli li qed tħabbat wiċċha miegħu ż-żona ewro.

Sadanittant, il-Ġermana qed tagħti spinta fl-infiq tal-konsumaturi. Dan kien rispons għal tħassib dwar il-fatt li l-bilanċ kummerċjali eċċessiv ta' dan il-pajjiż jista' jkun qed ikollu effett ħażin fuq ekonomiji oħra fl-UE. Iżda l-Ġermanja semmiet ukoll miżuri biex jitnaqqas id-defiċit għall-2011 u lil hinn.

Il-pajjiżi l-oħra evalwati fl-aktar rapport reċenti tal-Kummissjoni huma l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja u s-Slovenja.

Kif tagħmel mal-pajjiżi kollha li jkunu taħt skrutinju, il-Kummissjoni pproponiet dati ta' skadenza għal Ċipru, id-Danimarka u l-Finlandja biex isolvu d-defiċit tagħhom. Il-Finlandja jkollha sal-2011, filwaqt li Ċipru u d-Danimarka jkollhom sal-2012 u l-2013 rispettivament.

Ċipru kellu nuqqas ta' 6.1% fil-PGD s-sena l-oħra. Fid-Danimarka d-defiċit mistenni jilħaq 5.4% din is-sena u 4.1% fil-Finlandja.

Sa dan l-aħħar, dawn il-pajjiżi kienu jidhru sejrin tajjeb. Il-Kummissarju għall-affarijiet monetarji Olli Rehn qal li din il-bidla f'daqqa turi s-serjetà tal-kriżi ekonomika, li għamlet ħerba fl-infiq pubbliku.

Il-limitu ta' 3% fuq id-defiċit - parti mill-patt ta' stabbiltà u tkabbir tal-UE - għandu l-għan li jevita l-iżbilanċi li jistgħu jwasslu għat-telf tal-fiduċjafiż-żona ewro, kif ġara x-xahar li għadda waqt il-kriżi tad-dejn fil-Greċja.

 

Aktar tagħrif dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv tal-UE English

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli