Għodod għall-aċċessibilità
Għodod tas-servizz
Selettur tal-lingwa
Mogħdija tan-navigazzjoni

Liġijiet ġodda tal-UE proposti għall-iskrutinju aktar mill-qrib tal-industrija tas-servizzi finanzjarji - messaġġ qawwi għas-samit tal-G20 ta' din il-ġimgħa.
Il-proposti dewmiena - parti ewlenija mir-rispons tal-UE għall-kriżi finanzjarja - joħolqu l-ewwel sistema verament Ewropea għas-sorveljanza tal-industrija finanzjarja.
L-abbozz tar-regoli jaslu f'għeluq is-sena mill-waqgħa tal-bank Amerikan tal-investiment Lehman Brothers, terrimot għas-swieq tad-dinja kollha. Fl-UE ta' 27 nazzjon, il-katastrofi kompliet tiżdied minħabba n-nuqqas ta' metodu standard dwar ir-regolazzjoni finanzjarja.
Il-pakkett leġiżlattiv "juri d-determinazzjoni li nitgħallmu mill-kriżi u li nieħdu l-azzjoni neċessarja," qal il-Kummissarju tas-suq intern Charlie McCreevy.
Il-biċċa l-kbira tas-sorveljanza ssir fuq livell nazzjonali, bil-gvernijiet individwali tal-UE joqgħodu attenti għall-banek tagħhom stess - għalkemm is-suq waħdieni ilu jeżisti għal aktar minn għaxar snin u li l-istituzzjonijiet finanzjarji jagħmlu n-negozju minn pajjiż għal ieħor.
Il-leġiżlazzjoni għandha toħloq Sistema Ewropea ta' Kontrolluri Finanzjarji li jiżguraw sorveljanza konsistenzi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw f'żewġ pajjiżi tal-UE jew aktar. Skont din is-sistema, awtortajiet ġodda Ewropej fuq il-banek, l-assigurazzjoni, it-titoli u l-pensjonijiet tax-xogħol jissorveljaw u jikkoordinaw il-ħidma tal-kontrolluri nazzjonali.
Dawn l-Awtoritajiet Ewropej ta' Sorverljanza jkollhom id-deċiżjoni aħħarija f'diżgwid bejn il-kontrolluri nazzjonali u jkunu jistgħu jimponu azzjonijiet f'każijiet ta' emerġenza. L-aktar li jkollhom kontroll dirett ikun fuq l-aġenziji tar-rati ta' kreditu - kumpaniji privati li suppost iwissu l-investituri dwar assi riskjużi.
Ir-regoli għandhom joħolqu wkoll entità tul l-UE sħiħa li tidentifika r-riskji fl-istabilità tas-sistemi ġenerali finanzjarji. L-awtoritajiet ta' sorveljanza ġodda jkunu rappreżentati fil-Kunsill Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, flimkien mal-banek Ewropej u dawk ċentrali nazzjonali.
L-UE sejħet għal riformi simili fuq livell dinji, pożizzjoni mħaddna f'April mill-Grupp tal-akbar 20 ekonomija. Issa, sitt xhur wara, il-mexxejja tal-G20 se jiltaqgħu f'Pittsburgh biex jeżaminaw il-progress li għamlu u jikkunsidraw jekk inaqqsux il-pagi tal-bankiera - azzjoni appoġġjata mill-UE.
Wara d-diżastru tas-sena l-oħra, l-UE kkommissjonat grupp ta' bankiera esperti jsibu metodi biex jevitaw ripetizzjoni tal-agħar kriżi finanzjarja mill-waqgħa ta' Wall Street fl-1929. Il-proposti huma msejsa fuq dawk ir-rakkomandazzjonijiet, u ħadu l-barka tal-mexxejja tal-UE aktar kmieni din is-sena.