Mogħdija tan-navigazzjoni

Prosit lill-aħjar tradutturi żgħażagħ tal-UE 2012! - 11/04/2013

Logo bil-kliem “2012/2013 Juvenes Translatores” © EU

27 rebbieħ/a tal-konkors tat-traduzzjoni li jsir kull sena fl-UE rċevew il-premjijiet illum fi Brussell.

Bħala sinjal ċar tal-wasla tar-rebbiegħa, 27 rebbieħa żgħażagħ tal-konkors Juvenes Translatores għat-tradutturi żgħażagħ, organizzat darba fis-sena mill-Kummissjoni, se jiltaqgħu fi Brussell illum.

Janice Bonnici hi r-rebbieħa minn Malta. Hi tistudja l-Franċiż u l-Malti l-Junior College.

Fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, kollha se jirċievu trofew u ċertifikat talli għamlu l-aħjar traduzzjoni f'pajjiżhom minn Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ. Wara, għandhom jiltaqgħu mat-tradutturi tal-Kummissjoni li kitbu t-testi oriġinali tal-konkors u li evalwaw it-traduzzjonijiet tagħhom.

Ir-rebbieħa intgħażlu minn fost 3,300 student minn skejjel sekondarji fil-pajjiżi kollha tal-UE li ħadu sehem fill-konkors f’Novembru 2012. Il-parteċipanti kellhom sagħtejn biex jittraduċu test minn lingwa uffiċjali tal-UE tal-għażla tagħhom f’waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra.

It-testi għat-traduzzjoni ffukaw fuq is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, li hija t-tema tas-Sena Ewropea 2012, u varjaw minn stejjer dwar żgħażagħ li jgħallmu lill-anzjani jużaw il-kompjuter sa lezzjonijiet tal-istorja mogħtija mill-anzjani lit-tfal.

Il-konkors kien tabilħaqq multilingwi, u kopra 138 kombinazzjonijiet lingwistiċi, inklużi dawk mhux tas-soltu, ngħidu aħna mis-Sloven għall-Isvediż, mill-Olandiż għall-Pollakk u mill-Portugiż għall-Finlandiż. Ir-rebbieħa wrew ukoll livell xieraq ta’ diversità lingwistika – 11 minnhom ittraduċew mill-Ingliż, 5 mill-Franċiż, 5 mill-Ispanjol, 4 mill-Ġermaniż, 1 mill-Estonjan u 1 mill-Irlandiż.

Juvenes Translatores hu konkors tat-traduzzjoni għal studenti ta' 17-il sena minn skejjel fil-pajjiżi kollha tal-UE. Għandu l-għan li jippromwovi t-tagħlim tal-lingwi barranin fl-Ewropa u jqajjeb interess fit-traduzzjoni bħala karriera possibbli. Il-konkors, li ġie organizzat l-ewwel darba fl-2007, qed ikompli jikber fil-popolarità. Il-konkors ħoloq in-netwerk tiegħu stess, li jippermetti lill-istudenti, lill-għalliema u lill-professjonisti jikkomunikaw permezz ta' Facebook English, Twitter u blogg.

L-edizzjoni li jmiss tal-konkors, li jibda f’Settembru, se tkun miftuħa għall-istudenti Kroati għall-ewwel darba wara li pajjiżhom ikun issieħeb mal-UE u l-Kroat isir l-24 lingwa uffiċjali.

Aktar dwar it-traduzzjoni u l-Unjoni Ewropea DeutschEnglishfrançais

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli