Mogħdija tan-navigazzjoni

Erasmus - għadd rekord ta' persuni jivvjaġġaw biex jistudjaw u jitħarġu - 21/06/2010

Is-sena l-oħra bis-saħħa ta' fondi addizzjonali aktar studenti minn qatt qabel ipparteċipaw fil-programm ewlieni tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ.

Kważi 200,000 student irċevew fondi mill-UE fl-2008-09 biex jistudjaw jew isegwu apprendistat barra pajjiżhom - żieda ta' 8.7% meta mqabbla mal-perjodu preċedenti ta' fondi.

Iż-żieda qawwija fil-parteċipazzjoni, li ħabtet ma' żieda ta' 12% fil-baġit ta' Erasmus, turi li l-istudenti ħerqanin li jibbenefikaw mill-fondi jekk dawn ikunu disponibbli. L-għotja ta' flus medja żdiedet ukoll għal €272 - dan ifisser ftit aktar flus milli l-istudenti kienu jingħataw qabel biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż ta' kuljum tagħhom.

Erasmus hu wieħed mill-aktar programmi popolari tal-UE, b'aktar minn 2.2 miljun student jieħdu sehem fih mill-bidu tiegħu fl-1987. Dan jagħti lill-istudenti f'edukazzjoni ogħla l-opportunità li jgħaddu bejn 3 u 12-il xahar f'pajjiż Ewropew ieħor - jew biex jistudjaw jew inkella biex jitħarġu f'xogħolhom.

Biż-żieda tal-Kroazja u tal-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja fl-2009, aktar minn 4,000 istituzzjoni ta' edukazzjoni ogħla fi 33 pajjiż Ewropew issa qed jipparteċipaw fil-programm.

Spanja, Franza u l-Ġermanja kienu l-aktar destinazzjonijiet popolari u dawn it-tliet pajjiżi anki bagħtu l-akbar għadd ta' studenti, li jammontaw għal 40% tal-għadd totali.

Korsijiet li ġew segwiti minn studenti f'pajjiż ieħor huma rikonoxxuti mill-università f'pajjiżhom, għalhekk semester ta' studju jew aktar barra pajjiżhom mhux ħela ta' żmien. Apparti milli jwessa' l-opportunitajiet akkademiċi tagħhom, fuq livell personali l-programm irawwem kapaċitajiet interkulturali u jgħin lill-istudenti jsiru aktar indipendenti.

Fl-2007 l-iskop tal-fondi ta' Erasmus twessa' biex studenti jingħataw iċ-ċans li jmorru barra pajjiżhom ħalli jsegwu taħriġ fil-qasam tax-xogħol tagħhom f'negozji jew f'organizzazzjonijiet. Madwar 30,400 student ħatfu din l-opportunità fl-2008-09 - żieda ta' aktar minn 50% fuq is-sena ta' qabel. L-għadd ta' għalliema minn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla li bbenefikaw mill-iskema żdied għal 36,400.

Il-programm Erasmus jikkontribwixxi għall-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-iżvilupp u l-impjiegi - Ewropa 2020 - billi jattrezza liż-żgħażagħ bil-kapaċitajiet trasferibbli għal suq li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed isir kompetittiv.

 

Aktar tagħrif dwar il-programm Erasmus DeutschEnglishfrançais

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli