Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-kompetizzjoni ta' traduzzjoni tal-UE tħeġġeġ il-multilingwiżmu - 30/03/2010

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni 2009 ©EU

27 rebbieħ/a tal-kompetizzjoni ta' traduzzjoni tal-2009 tal-UE rċevew il-premjijiet għall-kompetenzi lingwistiċi tagħhom.

Waslet ir-rebbiegħa fi Brussell u magħha ġew 27 rebbieħ ta' Juvenes Translatores (frażi bil-Latin li tfisser "tradutturi żgħażagħ"), kompetizzjoni organizzata mid-dipartiment tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni. Din hi t-tielet darba li saret il-kompetizzjoni għal studenti minn skejjel sekondarji, biex b'hekk issa qed tistabbilixxi lilha nfisha bħala tradizzjoni.

Il-kompetizzjoni saret fl-24 ta' Novembru 2009 u kienet miftuħa għal traditturi promettenti li twieldu fl-1992, rappreżentanti kemm tal-iskola tagħhom kif ukoll ta' pajjiżhom. Il-parteċipanti kellhom jagħżlu waħda minn 23 silta (waħda għal kull lingwa uffiċjali tal-UE) u jagħżlu lingwa oħra mil-lingwi tal-UE biex jittraduċuha fiha.

Il-parteċipanti - u mhux biss ir-rebbieħa - irnexxielhom joħorġu b'soluzzjonijiet ferm innovattivi għad-diffikultajiet lingwistiċi fit-testi, biex b'hekk taw prova tat-talent tagħhom għat-traduzzjoni.

U ejjew ma ninsewx li wara kull student promettenti jinsab għalliem. L-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni fl-iskejjel mhix sempliċiment kwistjoni ta' tagħlim tal-lingwi u ta' arrangamenti għad-dettalji prattiċi - l-għalliema riedu wkoll irawmu t-talent. Xi minn daqqiet kien ifisser ukoll li tinsab soluzzjoni meta skejjel nazzjonali u uffiċċji postali kienu bi strajk fil-ġurnata tal-kompetizzjoni, bħalma ġara s-sena l-oħra fl-Irlanda.

Il-kompetizzjoni wriet ukoll - b'mod mhux mistenni - li serviet ta' impetu għal attivitajiet lingwistiċi oħra. Wara l-kompetizzjoni l-aktar reċenti, għalliem Franċiż li jaħdem f'Gothenburg (l-Iżvezja) nieda  b'suċċess skambju skolastiku ta' Juvenes Translatores ma' Franza u Spanja. L-idea kisbet popolarità u skejjel oħra issa qed jagħmlu l-istess, b'suċċess simili.

Juvenes Translatores għandha l-għan li tippromwovi t-tagħlim tal-lingwi barranin fl-Ewropa u li ttejjeb il-profil tat-traduzzjoni bħala professjoni. Kif qal wieħed mir-rebbieħa: "Hemm differenza bejn il-Franċiż, l-Ingliż u ilsien art twelidek, anki jekk tgħid l-istess ħaġa. Tħoss xi ħaġa differenti. Għalhekk inħobb l-istudju tal-lingwi għax inkun nista' nuri dak li nħoss b'ħafna modi."

Aktar dwar Juvenes Translatores

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli