Mogħdija tan-navigazzjoni

Studenti żgħażagħ bil-kotba quddiem bini bl-istilel Ewropej ©EC

Miri għall-edukazzjoni: l-UE tilħaq wieħed mill-għanijiet fil-ħin iżda mhix se jirnexxilha tilħaq l-oħrajn f'waqthom.

Kważi 10 snin wara li l-pajjiżi membri qablu dwar 5 miri ewlenin fl-edukazzjoni u t-taħriġ, aġġornament dwar il-progress tagħhom English jindika li mhumiex se jilħqu l-għanijiet sal-iskadenza tal-2010.

L-unika mira li ntlaħqet hi ż-żieda ta' 15% fl-għadd ta' studenti universitarji li ggradwaw bi gradi fil-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija. Fost il-gradwati hemm aktar nisa, dan jissodisfa l-kundizzjoni marbuta ma' din il-mira.

Għalkemm xorta għadhom lura fl-għanijiet tagħhom, hemm 3 oqsma oħra li fihom il-pajjiżi tal-UE għamlu progress: il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja, it-tnaqqis fir-rata ta' dawk li jħallu l-iskejjel sekondarji u l-universitajiet, u t-tlestija tal-edukazzjoni fl-iskejjel sekondarji għolja.

Fir-rigward tal-ħames mira jiġifieri t-titjib tal-kapaċitajiet tal-qari ta' dawk bl-età ta' 15-il sena, l-UE mhux biss naqset milli tilħaq il-mira tagħha iżda naqqset mill-progress tagħha meta dan jitqabbel ma' kif kienet is-sitwazzjoni ta' għaxar snin ilu.

B'mod ġenerali, il-livelli ta' edukazzjoni fl-Ewropa żdiedu. Nies b'livelli baxxi ta' edukazzjoni għadhom jammontaw għal 30% tal-popolazzjoni bl-età tax-xogħol jew 77 miljun ruħ. Imma dan l-għadd naqas madwar miljun fis-sena mill-2000 'l hawn.

Il-Kummissjoni ddikjarat li filwaqt li l-UE ilha li rrikonoxxiet li edukazzjoni aħjar hi kruċjali biex jingħelbu ostakli ekonomiċi u soċjali, ir-reċessjoni reċenti enfasizzat l-urġenza tar-riforma fl-edukazzjoni u fl-investiment.

Rapport separat English li jevalwa l-kooperazzjoni fl-edukazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE jgħid li l-investiment għal kull student żdied mill-2000 'l hawn fil-livelli kollha edukattivi. Madankollu, l-infiq fl-edukazzjoni għolja mhux dejjem qed jikber b'pass mgħaġġel bħal qabel. Biex ilaħħqu mal-Istati Uniti, il-pajjiżi tal-UE se jkollhom jinvestu medja ta' €10,000 fis-sena aktar għal kull student fl-edukazzjoni għolja.

Il-miri huma parti mill-"Istrateġija ta' Liżbona", pjan ta' 10 sena għall-impjiegi u t-tkabbir li l-mexxejja adottaw fis-sena 2000. Il-Kummissjoni tippubblika rapporti annwali dwar il-progress tal-UE skont dan il-pjan.

Billi l-istrateġija waslet biex tiskadi, l-UE qed tirrevedi l-għanijiet tagħha. Aktar kmieni din is-sena, il-gvernijiet żiedu aktar miri għall-edukazzjoni fit-tfulija bikrija u għall-edukazzjoni post-sekondarja. Qablu wkoll li jwessgħu l-mira tal-qari għal dawk bl-età ta' 15-il sena sabiex din tinkludi wkoll il-matematika u l-ħiliet fix-xjenza.

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli