Mogħdija tan-navigazzjoni

Self għan-negozji ż-żgħar u għall-bidu tan-negozji fl-Ewropa - 25/03/2011

Fuħħari jifforma x-xifer ta' buqar © EU

Il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress tiffaċilita l-aċċess għall-kreditu għall-bidu u l-iżvilupp ta' negozji żgħar.

In-negozji l-ġodda għandhom bżonn il-flus biex jimxu 'l quddiem. Iżda l-intraprendituri l-ġodda jistgħu jħabtu wiċċhom ma' problemi biex jiksbu self minn bank, jew għax m'għandhomx biżżejjed assi, jew għax jinsabu bla xogħol, jew għax għandhom storja ta' kreditu ħażina.

Il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress tagħmilha iktar faċli għas-sidien tan-negozji ż-żgħar biex jiksbu l-finanzjament li jkollhom bżonn biex iqumu fuq saqajhom jew biex jikbru. Madwar 99% tal-bidu tan-negozji fl-Ewropa huma mikro-impriżi jew impriżi żgħar u terz minn dawn jinbdew minn persuni li jinsabu bla xogħol.

Il-programm tal-UE ma jiffinanzjax il-bidu tan-negozji b'mod dirett. Minflok, jgħin lis-selliefa tal-mikrofinanzjament jipprovdu self żgħir ta' inqas minn €25 000 - lil negozji li għadhom jibdew jew impriżi b'inqas minn 10 impjegati.

Biex ikollhom aċċess għas-self appoġġat mill-programm, l-intraprendituri u s-sidien tan-negozji ż-żgħar għandhom jikkuntattjaw lil sellief ta' mikrofinanzjament li jipparteċipa fil-programm jew lil intermedjarju f'pajjiżhom.

S'issa, l-intermedjarji fl-Olanda, il-Belġju u l-Bulgarija lkoll iffirmaw ftehimiet mal-Fond Ewropew tal-Investiment, li jmexxi l-programm għall-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment.

Qredits, l-intermedjarju bbażat fl-Olanda, hi fondazzjoni bla interess ta' lukru. Tiffoka fuq il-potenzjal tan-negozju minflok fuq l-isfond tal-intraprendituri jew id-diffikultajiet li kellhom fil-passat. Il-persuni intitolati għall-benefiċċji soċjali jistgħu japplikaw għal self bil-kundizzjoni li jkollhom pjan ta' negozju vijabbli.

L-intermedjaru microStart li għadu kif inħoloq fil-Belġju jgħin lill-intraprendituri fiż-żona ta' Brussell, u Mikrofond fil-Bulgarija jiffoka fuq il-persuni fiż-żoni rurali - inklużi l-komunitajiet Roma.

Qed jitħejjew ftehimiet ma' selliefa ta' mikrofinanzjament f'pajjiżi oħra tal-UE.

Il-programm ta' mikrofinanzjament jimxi ma' Ewropa 2020, l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, bl-għan li tiżdied ir-rata tal-impjiegi għal 75% u jinħelsu 20 miljun persuna mill-faqar sal-2020.

Aktar tagħrif dwar il-programmi ta' mikrofinanzjament

Agħżel kuluri li jikkuntrastaw Ara l-paġna fid-daqs normali tagħha Kabbar id-daqs b'200 fil-mija Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

 

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva LE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Links utli