Strateġija tal-baċiri tal-baħar: Il-baħar Adrijatiku u l-baħar Jonju

Minn Strateġija Marittima għal Strateġija Makroreġjonali għar-reġjun Adrijatiku u Jonju

Il-Kummissjoni Ewropea nediet Strateġija ġdida tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju fis-17 ta' Ġunju 2014

L-istrateġija hi msejsa prinċipalment fuq l-opportunitajiet tal-ekonomija marittima - “it-tkabbir blu”, it-trasport bejn l-art u l-baħar, il-konnettività tal-enerġija, il-ħarsien tal-ambjent tal-baħar u l-promozzjoni tat-turiżmu sostenibbli - setturi li għandhom rwol kruċjali biex jinħolqu l-impjiegi u biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku fir-reġjun. Il-punt ta' tluq għal dan hu l-Istrateġija Marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju, adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta' Novembru 2012 u li issa hi inkorporata fl-Istrateġija.

Din hija l-ewwel 'strateġija makroreġjonali tal-UE' bi proporzjon daqshekk kbir ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE (l-Albanija, il-Bożnja Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja) li jikkooperaw ma’ pajjiżi tal-UE (il-Kroazja, il-Greċja, l-Italja u s-Slovenja). Il-pajjiżi ngħaqdu f'pari (pajjiż tal-UE u pajjiż mhux tal-UE) biex jikkoordinaw l-iżvilupp ta' kull element tal-Pjan ta’ Azzjoni:

1. Il-Greċja u l-Montenegro ħadmu fuq "it-Tkabbir Blu": dan il-pilastru hu intiż li jistimola l-innovazzjoni marittima u t-tkabbir marittimu fir-Reġjun, bill-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-impjiegi, u b'opportunitajiet ta' negozju fl-ekonomija Blu.

2. L-Italja u s-Serbja ħadmu fuq il-pilastru "Nikkollegaw ir-Reġjun" (netwerks tat-trasport u tal-enerġija): dan għandu l-għan li jtejjeb il-konnettività tat-trasport u l-enerġija fir-Reġjun u mal-bqija tal-Ewropa.

3. Is-Slovenja u l-Bożnja Ħerzegovina ħadmu fuq "il-Kwalità tal-Ambjent": dan il-pilastru jindirizza l-kwalità tal-ambjent permezz ta' kooperazzjoni aħjar fil-livell tar-Reġjun

4. Il-Kroazja u l-Albanija ħadmu fuq "it-Turiżmu Sostenibbli": dan il-pilastru għandu l-għan li jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tar-Reġjun f'termini ta' turiżmu innovattiv, sostenibbli, responsabbli u ta' kwalità.

Barra minn hekk, il-bini tal-kapaċitajiet kif ukoll ir-riċerka, l-innovazzjoni u n-negozji ta' daqs żgħir u medju huma aspetti trasversali. Il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima kif ukoll il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri huma prinċipji orizzontali rilevanti għall-erba’ pilastri kollha.

Sfond

L-istrateġija marittima għall-baħar Adrijatiku u l-baħar JonjuIt-traduzzjonijiet kollha disponibbli. (2012) tevalwa l-ħtiġijiet u l-potenzjal ta' attivitajiet relatati mal-baħar u tistabbilixxi qafas għal sforzi koordinati mill-partijiet interessati kollha fil-qasam marittimu b'dawn l-għanijiet:

  • ekonomija marittima li tipprovdi opportunitajiet ta' tkabbir ekonomiku u impjiegi;
  • ambjent tal-baħar aktar b’saħħtu;
  • spazju marittimu aktar sikur;
  • attivitajiet ta' sajd aktar responsabbli u sostenibbli.

Dawn l-għanijiet jikkostitwixxu l-erba' oqsma ta' prijorità tal-istrateġija u wasslu għal konsultazzjonijiet estensivi tal-partijiet interessati fl-2012 (gruppi ta' ħidma tal-partijiet interessati (1: Ateni 2: Trieste u 3: Portoroz). Dawn l-għanijiet u l-azzjonijiet proposti kienu diskussi fil-konferenza tal-partijiet interessati "Aġenda għal Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklużiv mill-Baħar Adrijatiku u l-baħar Jonju" (Żagreb, il-Kroazja, 6 ta' Diċembru 2012).

Il-konklużjonijiet tal-konferenza pdf - 31 KB [31 KB] It-traduzzjonijiet kollha disponibbli. kkonfermaw appoġġ wiesgħa favur id-direzzjoni meħuda mill-istrateġija marittima tal-2012 u wittew it-triq għal ħidma dwar pjan ta' azzjon. Madankollu, urew ukoll il-bżonn ta' strateġija makroreġjonali usa'.

Il-kontenut tal-Istrateġija Marittima issa hu inkorporat b’mod sħiħ fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju (filmat).

Il-Kunsill Ewropew tat-13-14 ta' Diċembru 2012 pdf talab lill-Kummissjoni biex tressaq Strateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju qabel it-tmiem tal-2014, billi tibni fuq l-esperjenzi tar-Reġjuni tad-Danubju u l-Baħar Baltiku. L-istrateġija li għadha kif tnediet tagħti kont tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi onlajn tal-partijiet interessati ta' Settembru 2013 u Jannar 2014 kif ukoll id-diskussjonijiet fis-seminar tal-partijiet interessati "Nagħtu spinta lit-tkabbir blu fir-Reġjun Adrijatiku u Jonju: lejn Pjan ta' Azzjoni, għall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju (EUSAIR)" (Brussel) u l-Konferenza tal-Partijiet Interessati f' Ateni fis-6-7 ta' Frar 2014. Ġiet trażmessa lill-Kunsill fit-18 ta’ Ġunju 2014 u hu mistenni li l-mexxejja tal-UE fil-Kunsill Ewropew, taħt il-Presidenza Taljana, se japprovaw l-istrateġija aktar tard din is-sena.

Aktar informazzjoni

Aħbarijiet