Iċ-Ċittadinanza Ewropea
Kull min hu ċittadin ta' Stat Membru hu ċittadin ta' l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni ġiet stabbilita mit-Trattat ta' Maastricht fl-1992. Hija inkluża fit-Tieni Parti (Artikoli 17-22) tat-Trattat tal-KE. Iċ-ċittadinanza ta' l-UE tikkumplimenta ċ-ċittadinanza nazzjonali ta' l-Istati Membri u m'hijiex sostitut tagħha. Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni jgawdu d-drittijiet mogħtija mit-Trattat u huma soġġetti għad-dmirijiet imposti minnhom.
L-importanza taċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni tinstab fil-fatt li ċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom drittijiet ġenwini skond il-liġi Komunitarja. Id-drittijiet prinċipali mogħtija miċ-ċittadinanza taħt it-Tieni Parti tat-Trattat tal-KE huma:
• Il-libertà ta' moviment u d-dritt ta' residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri;
• Id-dritt biex wieħed jivvota u joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn wieħed ikollu r-residenza;
• dritt għal protezzjoni diplomatika u konsolari;
• Id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew; kif ukoll
• Id-dritt li jirreferi għall-Ombudsman.
Id-dritt li wieħed jivvota u joħroġ bħala kandidat fil-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet lokali fuq livell muniċipali huwa wieħed minn dawn id-drittijiet. Għal aktar informazzjoni dwar dan id-dritt f'Malta, jekk jogħġbok ikkuntattja:
Il-Kummissjoni Elettorali
Evan’s Laborotary Buildings
Triq Merkanti
Valletta
Tel +356 21 245 086/7
|