|
Waqt missjoni ta' tisjib tal-fatti ta' jumejn, il-Kummissarju tal-UE tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà Jacques Barrot ltaqa' mal-ogħla awtoritajiet Maltin biex jikseb tagħrif mis-sors u jesperjenza personalment il-qagħda tal-immigrazzjoni illegali f'Malta.
Il-Kummissarju Jacques Borrot kien simpatetiku għat-talbiet ta' Malta għall-għajnuna tal-UE fl-immigrazzjoni illegali
Waqt iż-żjara tiegħu f'Malta, il-Kummissarju Barrot kellu għadd ta' laqgħat importanti ma' uffiċjali tal-Gvern, inkluż il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Brigadier Kmandant tal-Forzi Armati ta' Malta li flimkien ippreżentaw il-qagħda mwiergħa li qed tiffaċċa Malta minħabba l-għadd sproporzjonat ta' immigranti illegali li qed jaslu fi xtutna. Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern Karm Mifsud Bonnici enfasizzaw il-ħtieġa ta' għajnuna urġenti mill-Unjoni Ewropea biex taqta' l-influss tal-immigrazzjoni illegali. Dr Bonnici ffoka fuq il-ħtieġa għall-implimentazzjoni fil-pront tal-Patt tal-Immigrazzjoni u l-Ażil, li jinkludi inter alia, il-mekkaniżmu ta' kondiviżjoni volontarja tal-piż.

Il-Kummissarju Barrot kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa' mal-NGOs lokali li ilhom jaħdmu bla waqfien biex itejbu l-kondizzjonijiet ta' għajxien u tas-saħħa fiċ-ċentri miftuħa u magħluqa.
Il-Kummissarju Barrot ddikjara bil-quddiem li l-għan ġenwin tiegħu kien li 'jiskopri l-problemi kollha li Malta kellha taffaċċja' f'dak li għandu x'jaqsam mal-immigrazzjoni illegali u wiegħed li se jagħmel ħiltu biex jipprovdi realtà bbażata fuq il-fatti lill-Unjoni Ewropea. Huwa jittama wkoll li jieħu r-rwol li jikkonvinċi lil Stati Membri oħra biex isegwu l-eżempju ta' Franza bħala l-quċċata tas-solidarjetà. Fil-veru sens tal-ħbiberija u l-koeżjoni u minħabba li ndunat bid-diffikultà ta' Malta biex tindirizza l-immigrazzjoni illegali, Franza vvolontarjat li tieħu 80 immigrant minn Malta.

Wara żjarat fiċ-ċentri miftuħa u magħluqa, il-Kummissarju Barrot ammetta li huwa minnu li Malta hija ffaċċjata minn piż straordinarju u sproporzjonat u wiegħed li se tiżdied l-għajnuna finanzjarja biex tgħin ħalli ttaffi din is-sitwazzjoni. Madankollu, huwa jistenna lill-Gvern li jtejjeb il-kondizzjonijiet tal-għajxien fiċ-ċentri miftuħa u magħluqa.
iż-żjara tal-Kummissarju Barrot tat spinta ġdida u tqieset b'mod pożittivi mill-partijiet interessati lokali kollha li qed jittamaw mill-ġdid li l-Unjoni Ewropea tagħti widen għat-talbiet ta' Malta u tieħu azzjoni konkreta biex tindirizza dan il-fenomenu migratorju.
|