Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Ewro
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

L-ewro: ll-munita tagħna

L-ewro hija l-munita unika użata minn 17 mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li flimkien jagħmlu ż-żona tal-ewro. L-introduzzjoni tal-ewro fl-1999 kienet pass kbir fl-integrazzjoni Ewropea. Kienet ukoll waħda mill-ikbar suċċessi  tagħha: madwar 330 miljun ċittadin tal-UE issa jużawha bħala l-munita tagħhom u jgawdu l-benefiċċji tagħha, li se jixxerdu b'mod aktar wiesa' hekk kif pajjiżi oħra Ewropej jadottaw l-ewro.
Meta tvarat l-ewro fl-1 ta' Jannar 1999, hija saret il-munita l-ġdida uffiċjali ta' 11-il Stat Membru u ħadet post il-muniti nazzjonali l-qodma– bħad-Deutschmark u l-Frank Franċiż – f' żewġ stadji. L-ewwel ġiet introdotta bħala munita virtwali għal pagamenti li ma jinvolvux flus kontanti u għall-skopijiet ta' kontabilità, filwaqt li l-muniti l-antiki baqgħu jintużaw għal pagamenti kontanti u kkunsidrati bħala 'subunitajiet' tal-ewro, imbagħad, fl-1 ta' Jannar 2002, deheret fil-forma fiżika, bħala karti tal-flus u muniti. L-ewro mhijiiex il-munita tal-Istati Membri kollha tal-UE. Żewġ pajjiżi (id-Danimarka u r-Renju Unit) fthiemu dwar klawżola ta' 'deroga' fit-Trattat li teżentahom milli jipparteċipaw, filwaqt li l-kumplament (ħafna mill-membri l-ġodda nett tal-UE flimkien mal-Iżvezja) għad iridu jilħqu l-kudizzjonijiet għall-adozzjoni tal-munita unika. Ladarba jagħmlu hekk, jissostitwixxu l-munita nazzjonali tagħhom bl-ewro.

Liema pajjiżi adottaw l-ewro - u meta?

  • 1999 il-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awsrija, il-Portugall u l-Finlandja
  • 2001 il-Greċja
  • 2002 L-introduzzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti tal-ewro
  • 2007 Is-Slovenja
  • 2008 Malta u Ċipru
  • 2009 Is-Slovakkja
  • 2011 L-Estonja

L-ewro u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja

L-Istati Membri kollha jifformaw parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja(UEM), li tista' titfisser bħala stadju avvanzat ta' integrazzjoni ekonomika bbażata fuq suq uniku. Hija tinvolvi koordinazzjoni mill-qrib ta' politiki ekonomiċi u fiskali kif ukoll, għal dawk il-pajjiżi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, politika monetarja unika u minita unika – l-ewro. Il-proċess ta' integrazzjoni ekonomika u monetarja fl-UE għandha paralleli mal-Istorja tal-Unjoni nnifisha. Meta twaqqfet l-UE fl-1957, l-Istati Membri kkonċentraw fuq li jibnu 'suq uniku'. Madankollu, maż-żmien beda jidher ċar li kienet hemm il-bżonn ta' kooperazzjoni ekonomika u monetarja eqreb biex is-suq intern jiżviluppa u jitkattar. Iżda l-għan li tintlaħaq l-UEM totali u munita unika ma kienx stabbilit qabel it-Trattat ta' Maastricht tal-1992 (It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea), li stabbilixxa r-regoli bażiċi għall-introduzzjoni tagħha. Dawn ir-regoli jgħidu x'inhuma l-għanijiet tal-UEM, min hu responsabbli għal xiex, u liema kundizzjonijiet iridu jintlaħqu mill-Istati Membri biex jadottaw l-ewro. Dawn il-kundizzjonijiet huma magħrufa bħala l-'kriterji ta' konverġenza'(jew 'kriterji ta' Maastricht) u jinkludu inflazzjoni baxxa u stabbli, rata tal-kambju stabbli u finanzi pubbliċi sani.

Min jamministraha?

Meta daħlet fis-seħħ l-ewro, il-politika monetarja saret ir-responsabilità tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li huwa indipendenti u li nħoloq għal dan il-għan, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li jkunu adottaw l-ewro. Flimkien dawn jagħmlu l-Ewrosistema. Il-politika fiskali (it-taxxa u l-infiq) tibqa' f'idejn il-gvernijiet nazzjonali individwali. – għalkemm intrabtu li jikkonformaw mar-regoli li qablu dwarhom fir-rigward tal-finanzi pubbliċi magħrufa bħala l-Patt tal-Istabilità u t-Tkabbir. Huma wkoll jerfgħu r-responsabilità kollha għall-politiki strutturali tagħhom (ix-xogħol, il-pensjoni u s-swieq tal-kapital), iżda jaqblu li jikkoordinawhom sabiex jilħqu l-għanijiet komuni tal-istabilità, it-tkabbir u l-impjieg.

Min jużaha?

L-ewro hija l-munita tat-330 miljun persuna li jgħixu fis-17-il pajjiż taż-żona tal-ewro. Hija tintuża wkoll, jew formalment bħala valuta legali inkella għal skopijiet prattiċi, minn għadd sħiħ ta' pajjiżi oħra bħalma huma ġirien fil-qrib u ex kolonji. Għalhekk mhijiex sorpriża li fi ftit żmien l-ewro saret it-tieni l-aktar munita internazzjonali importanti wara d-dollaru, u f'ċerti aspetti (pereżempju, il-valur tal-kontanti fiċ-ċirkolazzjoni) saħansitra qabżitha.

Għaliex għandna bżonnha?

Apparti li tagħmel l-ivvjaġġar iktar faċli, munita unika tagħmel sens tajjeb ħafna mil-lat ekonomiku u politiku. Il-qafas li fih titħaddem l-ewro jagħmilha munita stabbli b'inflazzjoni baxxa u b'rati tal-imgħax baxxi, u jħeġġeġ finanzi pubbliċi sani. B'mod logiku, il-munita unika tikkumplementa s-suq uniku u tagħmlu aktar effiċjenti. L-użu ta' munita unika jżid it-trasparenza fil-prezzijiet, jelimina l-ispejjeż tal-kambju, jiffaċilita l-ekonomija Ewropea, iħaffef in-negozju internazzjonali u jagħti lill-UE vuċi aktar b'saħħitha fid-dinja. Hekk ukoll, id-daqs u s-saħħa taż-żona tal-ewro jipproteġuha aħjar mit-trawmi ekonomiċi esterni, bħal żidiet mhux mistennija fil-prezz taż-żejt jew turbulenza fis-swieq tal-muniti. U fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, l-ewro tagħti liċ-ċittadini tal-UE simbolu tanġibbli tal-identità Ewropea tagħhom, li jistgħu jkunu dejjem iżjed kburin biha hekk kif iż-żona tal-ewro tespandi u timmultiplika dawn il-benfiċċji għall-membri eżistenti u għall-membri futuri tagħha. 

Mappa taż-zona tal-ewro
Map of Malta

Malta u l-ewro

Money
 
Malta ssieħbet mal-Unjoni Ewropea fl-2004 u adottat l-ewro fl-1 ta' Jannar 2008

Il-muniti tal-ewro ta' Malta

Kif Malta introduċiet l-ewro:

More information

L-aħħar aġġornament: 01/08/2011  |Fuq