Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

L-UE tikkonsulta mal-partijiet interessati dwar l-għajnuna statali lil-linji tal-ajru
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

11/04/2011 10:19:52

Il-Kummissjoni Ewropea varat konsultazzjoni pubblika biex tikseb l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE tal-2005 dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tat-tnedija lil-linji tal-ajru minn ajruporti reġjonali. Il-Kummissjoni qed tfittex li tikseb ukoll il-perspettivi dwar il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-UE tal-1994 li wkoll fihom regoli għall-valutazzjoni tal-għajnuna soċjali u tal-għajnuna ta' ristrutturar għal-linji tal-ajru. Dawn l-opinjonijiet jistgħu jitressqu quddiem il-Kummissjoni sas-6 ta' Ġunju 2011. Fid-dawl tal-kummenti li tirċievi, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk il-linji gwida għandhomx bżonn li jiġu riveduti u se tikkonsulta b'mod ulterjuri qabel ma tadotta kwalunkwe regola ġdida.

    L-UE tikkonsulta mal-partijiet interessati dwar l-għajnuna statali lil-linji tal-ajru

    Il-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mill-politika tal-kompetizzjoni Joaquín Almunia qal "Is-suq tat-trasport tal-ajru nbidel b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar għoxrin sena. Il-ġabra tal-informazzjoni mis-suq, mill-konsumaturi u mill-Istati Membri hija l-ewwel pass vitali tagħna biex nivvalutaw jekk il-linji gwida li ġew ippubblikati fl-1994 u fl-2005 għadhomx adattati għall-kondizzjonijiet tas-suq tal-lum jew jekk hemmx bżonn li jinbidlu u kif għandhom jinbislu. Għal din il-konsultazzjoni nispera li jwieġbu n-nies kollha possibbli".

    F'Novembru li għadda, il-Kummissjoni Ewropea approvat self ta' EUR 52 biljun mill-Gvern Malti lill-Air Malta biex ma tħallix li l-linja tal-ajru nazzjonali tegħreq waqt li taħdem fuq ir-ristrutturar tagħha.

    F'Marzu li għadda, il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech informa lill-Viċi President Almunia bid-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa mal-partijiet interessati, partikolarment it-trejdunjins, fejn il-Ministru qal li "il-pjan ta' ristrutturar se jintbagħat lill-Kummissjoni fil-ġimgħat li ġejjin. Il-linji gwida tal-Kummissjoni jirrikjedu li l-pjan ta' ristrutturar jinkludi l-eliminazzjoni ta' attivitajiet li jagħmlu telf, inkluża t-tneħħija ta' rotot li jagħmlu t-telf, u dan ifisser li l-għadd ta' impjegati se jkollu jonqos. Bħalissa qed jitfasslu skemi ta' rtirar bikri”.

    Lura fl-1994, fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq għas-servizzi tat-trasport tal-ajru, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-UE, li fihom dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni tal-għajnuna soċjali u tal-għajnuna ta' ristrutturar lil-linji tal-ajru biex ikun hemm kondizzjonijiet ugwali għal kulħadd fil-qasam tal-ajruplani. Huma ġew komplementati fl-2005 permezz ta' linji gwida fuq il-finanzjament pubbliku u dwar it-tnedija ta' servizzi tal-ajru minn ajruporti reġjonali. Mid-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida tal-2005 'l hawn, il-Kummissjoni adottat aktar minn 60 deċiżjoni fir-rigward tal-finanzjament tal-ajruporti, tal-linji tal-ajru u tal-għajnuna tat-tnedija għal finanzjament ta' rotot ġodda.

    Is-suq tat-trasport tal-ajru evolva b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar snin: il-kumpaniji tal-ajru ta' prezz irħis żviluppaw mudelli ġodda u komprensivi tan-negozju marbuta mal-ajruporti reġjonali u kisbu sehem sostanzjali mis-suq. Fl-istess waqt, il-kumpaniji nazzjonali tal-ajru li kien hemm qabel kważi kollha kemm huma lestew il-proċess ta' ristrutturar tagħhom, u kkonsolidaw il-preżenza tagħhom fl-Ewropa.

    Għalhekk, l-iskop ta' din il-konsultazzjoni huwa li l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu mistiedna biex jagħtu r-reazzjoni tagħhom għall-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-1994 u tal-2005. Il-Kummissjoni hija interessata b'mod partikolari li tirċievi tagħrif dwar bidliet fil-mudelli tan-negozju tal-linji tal-ajru u tal-ajruporti kif ukoll l-iżviluppi riċenti fir-rigward tal-finanzjament tal-infrastruttura u l-għajnuna tat-tnedija lil-linji tal-ajru.

    Il-Kummissjoni qalet li hija se tanalizza dak li jitressqa quddiemha qabel ma tiddeċiedi sa liema punt hemm bżonn għal bidliet fir-regoli attwali u, jekk ikun xieraq, toħroġ bi proposta għal Linji Gwida tal-Avjazzjoni riveduti sal-2012.

    Base content

    L-aħħar aġġornament: 08/06/2011  |Fuq