Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Laqgħa speċjali biex tindirizza l-kwistjonijiet ta' migrazzjoni ta' Malta
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

05/05/2011 17:32:02

Nhar l-Erbgħa, 4 ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat dokument ta' strateġija b'inizjattivi ġodda biex tindirizza l-isfidi li ġġib magħha l-migrazzjoni. Barra minn dan hija ħabbret li l-Kummissjoni se torganizza laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern fit-12 ta' Mejju segwita minn diskussjoni ffukata fuq il-migrazzjoni fil-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ġunju.

    Laqgħa speċjali biex tindirizza l-kwistjonijiet ta' migrazzjoni ta' Malta

    Il-laqgħa skedata għat-12 ta' Mejju se tindirizza l-proġett bi prova ta' Malta ta' rilokazzjoni fi ħdan l-UE. Il-laqgħa organizzata għandha l-għan li tħeġġeġ lil Stati Membri oħra biex juru solidarjetà 'konkreta' u kondiviżjoni tal-piż ma' Malta.

    Bħala reazzjoni, il-Ministeru Malti tal-Intern qal f'dikjarazzjoni li dan l-iżvilupp juri li Malta rnexxielha tippreżenta l-argumenti tagħha fil-livell tal-UE.

    L-inizjattiva, li tħabbret mill-Kummissarju tal-Intern Cecilia Malmström, qed issegwi l-prolongazzjoni tal-proġett bi prova mfassal speċifikament għal Malta biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrilokaw persuni li jingħataw ażil mill-awtoritajiet Maltin. Għalkemm dan il-proġett ġie stabbilit, seħħew inqas minn 200 rilokazzjoni.

    Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien qed jittama li l-proġett bi prova tal-UE, li kellu l-għan li jħaffef il-piż tal-immigrazzjoni ta' Malta, se jfisser li għadd ikbar ta' immigranti se jkunu rilokati f'pajjiżi oħra Ewropej.

    Il-pressjoni migratorja fuq il-pajjiżi tal-Mediterran intensifikat hekk kif madwar 26,000 migrant illegali waslu l-Italja u 1,000 oħra ħarbu lejn Malta. Il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li din il-qagħda ma tistax tiġi ttrattata fil-livell nazzjonali iżda tirrikjedi l-mobilizzazzjoni tal-Istati Memmbri kollha fil-livell tal-UE.

    Din il-pressjoni wasslet ukoll bosta tilwim fir-rigward tal-migranti bejn l-Awtoritajiet Maltin u dawk Taljani, b'Ministru minuri Taljan iqajjem dubji dwar il-kejbil tal-elettriku ta' Malta ta' taħt il-baħar. Huwa qal li t-tilwim ta' Malta mal-Italja dwar kif għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-migranti mill-Afrika ta' Fuq jaf iwassal biex il-proġett jitħassar.

    L-inizjattivi l-ġodda mħabbra mill-Kummissjoni Ewropea se jkopru bosta aspetti tal-migrazzjoni, inklużi t-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri u l-amministrazzjoni tax-Schengen, it-tlestija tas-Sistema Komuni Ewropea ta' Ażil, emfażi ikbar biex tiżdied il-migrazzjoni legali, skambju tal-aqwa prassi għal integrazzjoni tal-migranti u pjan strateġiku għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi fir-rigward tal-migrazzjoni.

    Cecilia Malmström qalet li l-migrazzjoni toffri ħafna opportunitajiet, iżda trid tkun ġestita kif suppost. Hija qalet ukoll li "Dan ifisser li niżguraw li jkun hemm kontroll effettiv tal-fruntieri u li migranti irregolari jintbagħtu lura. Dan ifisser ukoll li ma għandniex inħallu kollox f'idejn l-Istati Membri li qegħdin fil-fruntieri esterni tagħna biex jindirizzaw sitwazzjonijiet migratorji straordinarji.”

    Il-fluss migratorju ta' dan l-aħħar ukoll ta lok għal tħassib dwar it-tħaddim tas-sistema tax-Schengen, hekk kif l-Italja u Franza pproponew is-sospensjoni ta' din is-sistema. madankollu l-Kummissjoni qalet li l-moviment ħieles tal-persuni minn fruntiera tal-UE għall-oħra huwa kisba ewlenija li qatt ma għandha titreġġa', anzi għandha tissaħħaħ.

    Il-Kummissarju Cecilia Malmström innutat li “Biex l-istabilità taż-żona Schengen tiġi salvagwardjata, jaf ikun hemm bżonn li nipprevedu li ndaħħlu mill-ġdid b'mod temporanju kontrolli interni limitat tal-fruntieri f'ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal meta parti minn fruntiera esterna tiġi taħt pressjoni għolja mhux mistennija."

    S'issa l-FRONTEX nidiet Operazzjoni Konġunta (EPN Hermes Extension 2011), li għandha l-għan li tgħin lill-Italja biex tindirizza s-sitwazzjoni tal-migranti u r-refuġjati li qed jaslu fuq ix-xtut Taljani. Barra minn hekk, il-EUROPOL waqqfet tim ta' esperti u bagħtithom l-Italja, biex jgħinu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħha biex jidentifikaw traffikanti potenzjali tal-umani fost migranti l-irregolari li jaslu fit-territorju Taljan.

    Flimkien ma' dawn l-attivitajiet il-Kummissjoni qed tipproponi sensiela ta' inizjattivi li jkopru aspetti varji inkluża t-tlestija ta' Sistema Komuni Ewropea ta' Ażil sal-2012, it-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri u l-amministrazzjoni tax-Schengen u li żżid il-migrazzjoni legali lejn l-UE.

    Il-bażi tal-kontenut

    L-aħħar aġġornament: 08/06/2011  |Fuq