Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

L-Ambjent: il-maġġoranza enormi taċ-ċittadini tal-UE għandhom għal qalbhom ħafna l-ambjent
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

21/06/2011 10:27:16

L-aħħar stħarriġ li sar mill-Kummissjoni Ewropea juri li l-ambjent huwa ta’ tħassib personali importanti għal aktar minn 90 % ta’ dak li wieġbu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Maġġoranza kbira tal-Ewropej taqbel li l-użu b’mod aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali u l-protezzjoni tal-ambjent jistgħu jistimulaw it-tkabbir ekonomiku tal-UE. Ir-rapport jinkludi wkoll mandat qawwi għal azzjoni mill-UE: minkejja l-kriżi ekonomika, kważi 9 minn kull 10 Ewropej jaħsbu li għandhom jiġu allokati fondi biex isostnu l-attivitajiet li jipproteġu l-ambjent.

    Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2011

    Jeżisti wkoll appoġġ qawwi għal-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE: aktar minn 8 persuni minn kull 10 Ewropej jaqblu li hija meħtieġa leġiżlazzjoni tal-UE biex tipproteġi l-ambjent f’pajjiżhom.

    Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Bosta minn dawn ix-xejriet juru li l-Ewropej huma impenjati bis-sħiħ lejn l-ambjent ferm aktar minn qatt qabel. U dawn huma azzjonijiet, u mhux biss intenzjonijiet tajba: 2 minn kull 3 Ewropej wieġbu li sseparaw l-iskart għar-riċiklaġġ matul l-aħħar xahar, aktar minn nofs qed jippruvaw inaqqsu l-konsum tal-enerġija, 4 minn kull 10 qed jippruvaw jużaw anqas oġġetti li jintużaw darba biss, u għadd akbar ta’ Ewropej qed jagħżlu mezzi ta’ trasport li jħarsu l-ambjent.  Ir-riżultati huma wkoll ġustifikazzoni importanti għall-proġett Ewropew. Huma jagħtu appoġġ mingħajr ambigwità għal-leġiżlazzjoni ambjentali fil-livell tal-UE.

    Ir-riżorsi naturali huma tħassib li dejjem qed jikber
    L-istħarriġ jiżvela għarfien akbar tal-pressjonijiet fuq ir-riżorsi naturali. Meta kienu mistoqsija dwar is-soluzzjonijiet, 8 minn kull 10 jridu li n-negozji jaħdmu aktar biex jużaw riżorsi naturali b’aktar effiċjenza, aktar minn 7 minn kull 10 jridu li l-gvernijiet nazzjonali jagħmlu aktar, u kważi 7 minn kull 10 jaħsbu li ċ-ċittadini nfushom għandhom jagħmlu aktar.

    Meta kienu mistoqsija dwar l-aktar ħames punti ta’ tħassib, aktar minn 3 minn kull 10 Ewropej issa jaħsbu dwar it-tnaqqis tar-riżorsi naturali (33 %, żieda minn 26 % fl-2007), 41 % jaħsbu dwar it-tniġġis tal-ilma, 33 % jaħsbu dwar iż-żieda fl-iskart (żieda minn 24 %), u 19 % jaħsbu dwar il-konsum (żieda minn 11 %). B’kuntrast ma’ dan, it-tħassib dwar it-telf tal-bijodiversità jibqa’ wieħed baxx – 22 % biss jaħsbu fuq it-telf tal-ispeċi u l-ħabitat.

    • Mandati għall-azzjoni
      Minkejja l-kriżi ekonomika, kważi 89 % tal-Ewropej jaħsbu li għandhom jiġu allokati aktar fondi biex isostnu l-attivitajiet li jipproteġu l-ambjent.
    • 81 % jappoġġjaw leġiżlazzjoni li tkun iffukata fuq l-ambjent fil-livell tal-UE bħala mezz neċessarju biex jiġi protett l-ambjent (- punt wieħed meta jitqabbel mal-2007).
    • Kważi 60 % tal-Ewropej jaħsbu li l-proċeduri ta’ ksib li jirrispettaw l-ambjent huma l-aktar mezz effettiv biex jiġu trattati l-problemi ambjentali, b’anqas minn 30 % jkunu favur ta’ soluzzjonijiet li huma sempliċiment kosteffikaċi.
    • Jeżisti wkoll appoġġ qawwi għal azzjoni u sostenn finanzjarju lil hinn mill-fruntieri tal-UE, b’79 % jemmnu li l-UE għandha tagħti l-appoġġ tagħha lill-pajjiżi li mhumiex fl-UE biex dawn jipproteġu l-ambjent.

    Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok
    Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Ewropej iħossu li huma pjuttost infurmati tajjeb dwar l-ambjent (60 %, żieda minn 55 % fl-2007), ġew identifikati nuqqasijiet fl-informazzjoni f’għadd ta’ oqsma. Madwar 50 % tal-Ewropej iħossu li s-sistemi attwali ta’ tikkettar ma jħalluhomx jidentifikaw oġġetti li jirrispettaw lill-ambjent b’ċerta kunfidenza. Iċ-ċittadini jixtiequ wkoll li jkunu infurmati aħjar dwar l-impatt ta’ kimiċi komuni fuq saħħithom (40 %), dwar l-użu tal-OĠM fil-biedja (37 %), it-tniġġis agrikolu mill-pestiċidi u l-fertilizzanti, u dwar l-eliminazzjoni tar-riżorsi naturali (27 %).

    Sfond
    Dan l-istħarriġ sar fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea bejn it-13 ta’ April u t-8 ta’ Mejju 2011. Madwar 26,825 persuna minn gruppi soċjali u demografiċi differenti ġew intervistati wiċċ imb’wiċċ fl-ilsien nattiv tagħhom f’isem id-DĠ għall-Ambjent.

    Għal aktar tagħrif :
    http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm
    http://ec.europa.eu/environment/working_en.htm

    L-aħħar aġġornament: 21/06/2011  |Fuq