Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew iniedu Reġistru tat-Trasparenza Konġunt li jipprovdi informazzjoni fuq dawk kollha li jixtiequ jinfluwenzaw il-politika Ewropea
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

23/06/2011 15:24:33

Fi sforz biex tingħata spinta akbar lit-trasparenza tal-proċess tal-UE tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea llum qed ivaraw Reġistru tat-Trasparenza, konġunt u pubbliku, li jipprovdi aktar informazzjoni minn qatt qabel dwar dawk li jkunu jixtiequ jinfluwenzaw il-politika Ewropea.

    Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew iniedu Reġistru tat-Trasparenza Konġunt li jipprovdi informazzjoni fuq dawk kollha li jixtiequ jinfluwenzaw il-politika Ewropea

    Brussell, it-23 ta' Ġunju 2011

    Ir-Reġistru l-ġdid jieħu post dak li kien ġie stabbilit mill-Kummissjoni fl-2008, li diġà fih aktar minn 4000 organizzazzjoni. Dawn se jiġu ftit ftit trasferiti lejn ir-Reġistru tat-Trasparenza Konġunt matul it-12-il xahar li ġejjin. Huwa jifrex il-kopertura tiegħu ukoll ħafna lil hinn minn dawk li huma l-lobbyisti tradizzjonali, biex sar jinkludi ditti legali, NGOs, gruppi ta’ riflessjoni – tabilħaqq kull organizzazzjoni jew individwu li jaħdem għal rasu impenjat biex ikollu influwenza fuq it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE.  Dan hu pass kruċjali lejn l-għan tal-UE ta' demokrazija aktar parteċipatorja.

    Dawk li jkunu fir-reġistru se jkollhom ukoll jipprovdu aktar informazzjoni minn qabel, bħal ma hu l-għadd ta' persunal li jagħmel il-lobbying, liema proposti leġiżlattivi ewlenin dawn ikunu koprew, kif ukoll l-ammont ta’ fondi mill-UE li huma jkunu rċevew.
    Meta jidħlu fir-Reġistru tat-Trasparenza, l-organizzazzjonijiet se jikkommettu lilhom infushom għal Kodiċi Komuni ta' Kondotta u jintrabtu, pereżempju, biex dejjem jidentifikaw ruħhom b'isimhom kif ukoll bl-entità li huma jaħdmu għaliha, u li ma jiksbux informazzjoni b’mod diżonest. Hemm ukoll imfissra, għal dawk li jiksru l-Kodiċi ta’ Kondotta, mekkaniżmu ta’ kif isiru l-ilmenti, u l-miżuri li għandhom jiġu applikati.

    Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Maroš Šefčovič, qal: “Din hija aħbar tajba għat-trasparenza ta’ kif titfassal il-politika fl-Ewropa. L-organizzazzjonijiet kollha, sew jekk ikunu assoċjazzjonijiet ta’ kummerċ u professjonali, NGOs, gruppi ta’ riflessjoni, jew oħrajn li m’għandhomx x’jaħbu se jkunu f’reġistru u se jipprovdu lill-pubbliku u lill-istituzzjonijiet b’informazzjoni dwar ħidmiethom. Dawk kollha li ma jkunux fir-reġistru se jkollhom jintalbu jgħidu għaliex huma ma jistgħux ikunu trasparenti - u se jaraw li l-ħidma tagħhom ta’ kuljum se ssirilhom aktar diffiċli ladarba ma jkunux reġistrati, b’mod partikolari permezz tar-rekwiżiti tal-Parlament Ewropew. Ninsab kuntent li l-Kunsill issa wkoll għandu r-rieda li jkollu rwol attiv fir-Reġistru.  Bil-Kodiċi ta’ Kondotta l-ġdid għall-Kummissarji, u issa r-Reġistru tat-Trasparenza Konġunt, stabbilixxejna livelli ta' referenza għal ħafna kapitali oħrajn fl-Ewropa u fid-dinja."

    Diana Wallis, il-Viċi President tal-Parlament Ewropew qalet: “Inħoss li fl-aħħar ilħaqna għan li l-grupp ta' ħidma tagħna poġġa quddiemu għadd ta' snin ilu, u llum, bil-varar ta' dan ir-reġistru konġunt ta' rappreżentanti ta' interess b’mod konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Parlament, nispera li nkunu ta' għajnuna biex indakkru kultura aktar qawwija ta' trasparenza fi Brussell."
    "Sa issa, jista' jkun li kien hemm xi konfużjoni. Issa ma jistax ikun hemm aktar: reġistru wieħed, post wieħed fejn għandek tiġi elenkat.  U għal dawk kollha li jridu jieħdu sehem fil-proċess ta’tfassil ta’ politiki fl-UE, dan ir-reġistru se juri wkoll li l-istituzzjonijiet tagħna qed jaħdmu flimkien. Huwa għalhekk li jien ninsab ferħana ħafna li l-Kunsill issa ħabbar ir-rieda tiegħu li jieħu passi biex jingħaqad magħna. Flimkien qed nieħdu pass qawwi fid-direzzjoni t-tajba. Fuq din in-nota nixtieq nirringrazzja lill-Viċi President Maroš Šefčovič għall-metodi miftuħa u kooperattivi tiegħu matul dawn in-negozjati."

    Il-websajt tar-Reġistru tat-Trasparenza

    X'qed jgħid ħaddieħor:

    Jana Mittermaier, il-Kap tal-Uffiċċju ta' Brussell ta’ Transparency International
    “Transparency International tilqa’ bil-ferħ ir-Reġistru tat-Trasparenza l-ġdid bħala pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba u tħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jieħdu aktar passi fid-direzzjoni t-tajba. Ir-reġistru l-ġdid huwa tappa importanti fil-ħolqien ta’ aktar trasparenza fejn jidħlu l-attivitajiet ta’ lobbying li jolqtu lill-UE. Jista' jkollu effett biss, madankollu, jekk jintuża kif jixraq u fl-ispirtu tal-Kodiċi tal-Kondotta li jakkumpanjah. Ir-reġistru l-ġdid se jkun test tal-impenn tal-partijiet kollha involuti fil-lobbying għal aktar ftuħ."

    José Laloum, Ċermen tal-EPACA: l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-aġenti ta’ konsulenza fl-affarijiet pubbliċi
    “Is-suċċess tar-reġistru huwa b’mod ċar fl-interess tal-professjonijiet tagħna u aħna nħeġġu lill-Kummissjoni u lill-Parlament biex jiżguraw li jkun hemm benefiċċji ċari, għal dawk fir-reġistru, fejn jidħol l-aċċess, il-parteċipazzjoni fl-avvenimenti u fil-konsultazzjonijiet.”
    Richard Linning President tal-IPRA: l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tar-Relazzjonijiet Pubbliċi
    “L-IPRA, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tar-Relazzjonijiet Pubbliċi tilqa’ bil-ferħ il-varar ta’ reġistru tat-trasparenza komuni. L-għanijiet tiegħu huma paralleli mal-kodiċi ta’ etika tagħna li ilu jeżisti 50 sena, li reċentement ġie varat mill-ġdid f’lingwaġġ aktar ċar u f’aktar minn 25 traduzzjoni. Nistennew li r-reġistru l-ġdid jirrazzjonalizza l-aċċess għal uffiċjali tal-Kummissjoni u għal MEPs.”

    Lyn Trytsman-Gray, President tas-SEAP: is-Soċjeta Ewropea tal-Professjonisti fl-Affarijiet Ewropej
    “Is-SEAP tilqa’ bil-ferħ il-varar ta’ Reġistru tat-Trasparenza komuni għall-Parlament Ewropew u għall-Kummissjoni, ħaġa li s-SEAP ilha taqbel magħha. It-trasparenza u l-fiduċja jinsabu fil-qalba ta’ proċess tajjeb ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ lobbying tajjeb. Madankollu, hemm oqsma li għad jinħtieġu attenzjoni u se naħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni biex naraw li jiġu indirizzati."

    L-aħħar aġġornament: 23/06/2011  |Fuq