|
Il-grupp espert għall-ewwel darba żviluppa strateġija komprensiva li tkopri s-settur tat-trasport kollu kemm hu. Trid tintlaħaq id-domanda mistennija mill-mezzi kollha tat-trasport permezz ta' taħlita ta' elettriku (batteriji jew ċelloli tal-idroġenu/karburant) u ta' bijokarburanti bħala l-alternattivi ewlenin, il-karburanti sintetiċi (dejjem iżjed minn riżorsi rinnovabbli) bħala alternattiva li tkopri l-lakuni, il-metan (il-gass naturali u l-bijometan) bħala karburant komplementari, u l-LPG bħala supplement.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali Malti tal-Istatistika (NSO), it-trasport f'Malta għadu jiddependi ħafna fuq il-karburant tal-fossili u fl-ewwel tliet xhur tal-2010, kien hemm biss madwar 40 vettura elettrika fit-triq.
L-NSO żvela wkoll li f'Malta hemm madwar 304,705 vettura fit-triq għal popolazzjoni ta' 412,966 ruħ (skont l-istima tal-2010). Minn dawn 76.7 % huma vetturi privati u 15.6 % huma vetturi kummerjċli.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Siim Kallas, li huwa responsabbli mit-trasport, qal: "Jekk irridu niksbu trasport li jkun tassew sostenibbli, irridu nikkunsidraw karburanti alternattivi. Biex nagħmlu dan għandna bżonn li nieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tal-mezzi kollha tat-trasport."
Bħalissa l-Kummissjoni qed tirrevedi politiki attwali u dan ir-rapport se jagħmel tajjeb għall-"inizjattiva fuq is-sistemi nodfa tat-trasport", li se titnieda aktar tard din is-sena. L-inizjattiva għandha l-għan li tiżviluppa strateġija konsistenti li tifrex fit-tul biex jintlaħqu kompletament id-domandi tas-settur tat-trasport minn sorsi alternattivi u sostenibbli sal-2050.
Skont ir-rapport tal-grupp espert tal-UE, il-karburanti alternattivi huma l-aqwa soluzzjoni biex it-trasport jinħeles mill-karbonju, billi s-sorsi tal-karburat tal-fossili jiġu sostitwiti bil-mod il-mod. Minkejja dan, il-vijabilità teknika u ekonomika, l-użu effiċjenti tas-sorsi primarji tal-enerġija u t-tħaddin mis-suq se jkunu deċisivi biex it-teknoloġiji differenti tal-karburanti u l-vetturi jiksbu sehem kompetittiv mis-suq.
Ma jeżistix kandidat uniku għas-sostituzzjoni tal-karburant. Id-domanda tal-karburant u l-isfidi tal-gassijiet li għandhom effetti ta' serra probabbilment se jirrikjedu l-użu ta' taħlita ta' karburanti li jistgħu jiġu prodotti minn varjetà kbira ta' sorsi primarji ta' enerġija. Hemm qbil ġenerali li l-karburanti sostenibbli kollha se jkunu meħtieġa biex jilħqu kompletament id-domanda mistennija.
Mezzi differenti tat-trasport jirrikjedu alternattivi differenti ta' karburanti alternattivi. Karburanti b'densità tal-enerġija ogħla huma aktar adattati għal attivitajiet li jkopru distanzi itwal, bħalma huma t-trasport tal-ġarr fuq it-toroq, it-trasport marittimu u l-avjazzjoni. Il-kompatibilità tal-karburanti l-ġodda mat-teknoloġiji u l-infrastruttura attwali, jew il-ħtieġa għal bidliet ta' sistema drastika għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala fatturi importanti, filwaqt li b'mod partikolari jiġu determinati l-ekonomiji tal-alternattivi differenti.
L-istqarrija għall-istampa
|