|
Il-ħsieb ewlieni wara s-sħubija, li ġiet allokata €800,000 fuq erba’ snin, hu li jissaħħu s-sinerġiji u l-inizjattivi li jittieħdu mid-diversi istituzzjonijiet fi ħdan l-UE u mill-Istati Membri nfushom biex iwasslu l-politika tal-UE liċ-ċittadini fuq livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta għandha rwol importanti f’dan ir-rigward. Bħala rappreżentant ta’ waħda mill-istituzzjonijiet Ewropej ewlenin, il-missjoni prinċipali tar-Rappreżentanza hi li żżomm liċ-ċittadini infurmati dwar kwistjonijiet Ewropej, speċjalment fejn dawn jolqtu l-ħajja ta’ kuljum. Għaldaqstant, ir-Rappreżentanza għandha r-responsabbiltà li tidentifika u tuża l-aktar għodod effettivi u effiċjenti biex tikkomunika maċ-ċittadin.
Huwa propju dan l-għan ta’ L-Ewropa fil-Pjazza - roadshow [635 KB] li l-ħsieb tiegħu hu li joħloq djalogu pubbliku dwar kwistjonijiet marbuta mal-UE. Il-mezz użat huwa vettura li ġġorr l-informazzjoni fost il-pjazez tal-irħula madwar Malta u Għawdex. Din se tkun tipprovdi tagħrif dwar it-Trattat ta' Liżbona, ir-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej, is-sistema ta' fondi mill-UE, l-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, u affarijiet oħra. Ma’ dan ikun hemm intratteniment minn talenti lokali.
L-Ewropa fil-Pjazza:
• iżżid l-għarfien dwar ir-rwol tal-Unjoni Ewropea;
• tinforma liċ-ċittadini Ewropej dwar il-politika tagħha f’setturi differenti;
• tinforma liċ-ċittadini dwar il-proċess ta’ riforma Ewropew u s-sistema ta’ fondi;
• tikkomunika l-Ewropa permezz ta' mezzi u metodi innovattivi;
• tqarreb lill-pubbliku lejn l-Ewropa.
Ir-roadshow [635 KB] se jkun għaddej sas-17 ta’ Settembru 2009. Hawn għandek issib l-iskeda [4 MB] sħiħa.
L-Ewropa tibda minn darek u mill-pjazza qrib tiegħek. Irridu nsiru nafuk aħjar u nisimgħu mingħandek x’tista’ tagħmel għalik l-UE.
|