|
Dan isegwi l-kunċert mużikali bil-flawt mis-Sra Laura Cioffi li sar it-Tnejn li għadda fis-Sagristija tal-Kappella, il-Waterfront stess. Is-serata ta' għada hija kunċert bla ħlas minn żewġ gruppi lokali - Nafra and Kultural.
Nafra jdoqq kompożizzjonijiet innovattivi li jitfgħu lill-mużika folkloristika fuq livell kontemporanju li joħroġ ħsejjes awtentiċi ta' strumenti tradizzjonali Maltin. Il-mużika ta' NAFRA tesplora l-ħsejjes ta' post fejn jitaqgħu il-passaġġi varji tal-Mediterran.
KulTural huwa grupp ta' erbgħa li s-saħħa tiegħu tinsab fid-diversità. Taħlita sabiħa ta' perkussjoni ritmika, diġeridu, kitarra klassika, vjolin, mużika rap u għana Maltija.
Il-programm dettaljat huwa dan:
Post: Valletta Waterfront
20:00 Diskor ta' introduzzjoni mill-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur John Dalli
20:15 Nafra
21:15 KulTural
http://ec.europa.eu/malta/news/day_of_languages_2011_mt.htm
L-Għaxar Jum Ewropew tal-Lingwi: x'qed jiġri madwarek?
"Tgħix ħajja ġdida għal kull lingwa li titkellem; jekk taf lingwa waħda biss, tgħix darba biss." Dan il-proverbju Ċek huwa wieħed mis-slogans għall-Għaxar Jum Ewropew tal-Lingwi, li se jkun imfakkar nhar is-26 ta' Settembru u fil-ġranet qrib b'avvenimenti li jinkludu konferenzi, kwiżżijiet, qari ta' poeżiji u logħob fit-toroq. L-għan huwa li jinġieb 'il quddiem it-tagħlim tal-lingwi u li titfakkar id-diversità lingwistika Ewropea, mit-23 lingwa "uffiċjali" tal-UE għar-rikkezza tagħha tal-lingwi u d-djaletti ko-uffiċjali, reġjonali u minoritarji. Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, se tiffirma dikjarazzjoni konġunta ma' Thorbjørn Jagland, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, biex jistqarru mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-multilingwiżmu. Il-Presidenza Pollakka tal-UE qiegħda tagħti prominenza lit-tagħlim tal-lingwi fl-aġenda tagħha u qed tħeġġeġ liż-żgħażagħ jitgħallmu żewġ lingwi barra lsien pajjiżhom biex itejbu l-għanijiet personali u professjonali tagħhom.
"Il-benefiċċji li wieħed jitkellem lingwa oħra barra lsien pajjiżu kulħadd jista' jarahom. Sew jekk qiegħed taħdem barra minn pajjiżek fil-Ġermanja, tistudja fi Franza jew fuq btala f'Ċipru, huwa ta' vantaġġ kbir li tkun taf tikkomunika direttament man-nies tal-post. Il-lingwi jiftħulna moħħna, joffrulna orizzonti ġodda u jżidulna ċ-ċans li nsibu impjieg," qalet il-Kummissarju Vassiliou.
L-UE tinvesti EUR 1 biljun fis-sena fuq skemi għat-titjib tal-ħiliet u l-kompetenzi lingwistiċi permezz ta' inizjattivi bħal Erasmus, li tippermetti lill-istudenti fl-edukazzjoni ogħla jqattgħu parti mill-istudji jew it-taħriġ tagħhom f'pajjiż ieħor. Kull sena 400 000 persuna, fil-biċċa 'l kbira tagħhom żgħażagħ, igawdu minn għotjiet ta' "mobilità" tal-UE permezz tal-Erasmus u skemi oħra bħal Leonardo da Vinci (taħriġ vokazzjonali) u Żgħażagħ fl-Azzjoni (xogħol ta' volontarjat/żgħażagħ). Bħala parti mill-impenn tagħha għat-tagħlim tal-lingwi u l-ħiliet marbuta magħhom, il-Kummissjoni tixtieq tirdoppja l-għadd ta' dawn l-għotjiet skont il-baġit propost għall-2014-2020. Barra minn hekk l-UE tinvesti madwar EUR 50 miljun fis-sena bħala sostenn għal attivitajiet u proġetti msejsa fuq il-lingwi.
Sfond
L-ewwel Jum Ewropew tal-Lingwi, imfakkar f'45 pajjiż, seħħ fl-2001 fuq l-inizjattiva tal-Kunsill tal-Ewropa. L-għan tiegħu hu li jkabbar l-għarfien pubbliku tal-lingwi li jintużaw fl-Ewropa, iġib 'il quddiem id-diversità kulturali u lingwistika u jħeġġeġ lin-nies jitgħallmu l-lingwi.
Il-Kummissjoni u l-Presidenza Pollakka qed jorganizzaw konferenza dwar it-tagħlim tal-lingwi f'Warsaw fit-28-29 ta' Settembru. Bħala parti minn din il-konferenza, huma se jippresjedu ċerimonja ta' unur għall-aħjar inizjattivi lingwistiċi nazzjonali u Ewropej (Language Label Projects Awards, 28 September) u ikla biex jippromwovu l-mod kif il-lingwi jistgħu joħolqu opportunitajiet għall-intrapriżi żgħar u l-impjegati tagħhom (29 ta' Settembru).
L-uffiċċji lokali tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni madwar l-UE qed jorganizzaw bosta avvenimenti, u fost dawk ewlenin hemm Festival Mużikali Lingwistiku f'Londra mniedi bħala parti mill-Olimpjadi Kulturali 2012, diskussjoni madwar mejda dwar ir-rwol tal-ħiliet tal-lingwi għall-integrazzjoni f'Berlin, u qari ta' poeżiji minn tradutturi u artisti f'bosta lingwi f'erbat ibliet fil-Latvja. Se tidnieda kampanja fi Brussell u f' the Hague biex tattira aktar interpreti tal-lingwa Olandiża fl-istituzzjonijiet tal-UE..
Għal iktar tagħrif:
Il-websajt tal-konferenza ta' Warsaw
Aktar dwar il-Programm Tagħlim tul il-Ħajja: Websajt dwar il-Lingwi Il-lingwi u l-intrapriżi Tabella Lingwi Ewropej
|