Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Malta għadha lura mil-lat tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

02/03/2011 00:00:00

L-aħħar statistika turi li bħala medja n-nisa jagħmlu biss 12 fil-mija tal-membri tal-bordijiet fin-negozji Ewropej. Minkejja dan, il-qagħda f'Malta hija agħar, skont ir-rapport il-ġdid tal-Bilanċ bejn is-Sessi fit-Tmexxija tan-Negozji.  Fl-akbar kumpaniji fl-UE kkwotati fil-Borża, huma 3 % biss minnhom li għandhom mara tippresedi l-ogħla korp li jieħu d-deċiżjonijiet. Hemm ukoll varjazzjonijiet konsiderevoli madwar l-Ewropa: fl-Iżvezja u l-Finlandja, hemm aktar minn 25 % mill-membri tal-bord li huma nisa, filwaqt li fil-Lussemburgu, f'Ċipru, fl-Italja u f'Malta, din il-perċentwali tinżel għal inqas minn 5 %.

    għal meta jibgħatlek l-artiklu brian

    Malta wriet konsistentement li taqa' lura mil-lat tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol b'differenza bejn is-sessi fl-impjieg (dawk li għandhom età bejn 20 u 64 sena) ta' 37.1 % fl-2009, 9.8 % inqas mill-2004 iżda xorta l-ogħla perċentwali fl-UE.

    Fl-2010, il-gvernijiet tat-tliet Stati Membri tal-UE (il-Ġermanja, il-Finlandja u s-Slovakkja) kellhom nisa bħala l-mexxejja tagħhom filwaqt li n-numru medju tal-membri nisa tal-parlamenti nazzjonali (il-kmamar uniċi/inferjuri) kien ta' 24 %, punt perċentwali wieħed aktar mill-2005. Il-perċentwali hija 'l fuq minn 40 % fl-Olanda u l-iżvezja u inqas minn 10 % f'malta u l-Ungerija.

    Fuq nota aktar pożittiva, in-nisa Maltin meqjusa li għandhom l-ogħla għadd ta' snin ta' ħajja b'saħħitha, b'70.6 snin.

    Bħala parti mill-Istrateġija tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding, fl-1 ta' Marzu, ippresediet laqgħa tal-mexxejja tan-negozji flimkien ma' Gertrude Tumpel-Gugerell, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-bank Ċentrali Ewropew, biex jitfassal pjan li jżid b'mod sinifikanti l-preżenza tan-nisa fl-ogħla karigi tax-xogħol.

    Bħalissa l-Ewropa korporattiva għadha dominata mill-irġiel, b'membru wieħed biss minn kull għaxra li huwa mara fl-ikbar kumpaniji tal-Ewropa. Dak li għadu jissorprendi lil bosta nies huwa li n-nisa jirrappreżentaw 60 fil-mija ta' dawk li jiggradwaw, iżda b'mod konsistenti huma sottorappreżentati fil-karigi ekonomiċi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.

    Bħala parti minn summit li ssejjaħ apposta fi Brussell il-Viċi President Reding iltaqgħet ukoll mas-CEOs u l-presidenti tal-bordijiet ta' kumpaniji li huma kkwaotati fil-Borża minn għaxar pajjiżi Ewropej. Barra minn hekk, id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Kummissjoni għamel "mini seduta" mal-imsieħba soċjali dwar l-istess kwistjoni biex jara jekk l-awtoregolazzjoni tistax tkun il-qofol biex tintlaħaq l-ugwaljanza korporattiva bejn is-sessi.

    Il-Kummissjoni se jkollha wkoll skambju tal-ideat mal-kumpaniji u l-imsieħba soċjali biex tiddiskuti u tara liema miżuri ttieħdu u li bi ħsiebhom jittieħdu fil-futur qrib.

    Tul it-12-il xahar li ġejjin, il-Kummissjoni biħsiebha tissorvelja l-progress mill-qrib, imbagħad tivvaluta jekk ikunx hemm bżonn ta' miżuri ulterjuri. Il-Viċi President Reding qalet "Jien nemmen li l-awtoregolazzjoni tista' tagħmel differenza jekk tkun kredibbli u effettiva madwar l-Ewropa kollha. Jekk l-awtoregolazzjoni ma tirnexxix, jien lesta li nieħu azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE".

    Il-bażi tal-kontenut

    L-aħħar aġġornament: 08/06/2011  |Fuq