|
Iċ-ċelebrazzjonijiet se jibdew is-Sibt 30 ta' April ġewwa Għawdex, b'attivitajiet fil-Pjazza ta' San Franġisk, Victoria bejn id-9:30 u l-11:30 ta' filgħodu. Kulħadd mistieden biex jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet. Se tingħata prominenza lil taħlita ta' talent Għawdxi bil-parteċipazzjoni tal-Iskola tad-Drama, il-Mużika u l-Arti, il-Boy Scouts u l-gruppi folk tal-Aurora u l-Astra.
L-On. Giovanna Debono, il-Ministru għall-Għawdex, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur John Dalli, Is-Sur William Martin, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u Dr Julian Vassallo, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew se jattendu dawn l-attivitajiet li huma miftuħa għall-pubbliku.
Fl-Istadium ta' Għawdex fix-Xewkija fit-30 ta' April bejn id-9:00 ta' filgħodu u s-1:00 ta' wara nofsinhar, se ssir il-ħames edizzjoni tal-Festival tal-Futbol tal-Parlament Ewropew. Din l-attività għall-familji organizzata b'kollaborazzjoni mal-Gozo Football Association, se tinkludi l-parteċipazzjoni tan-nurseries Għawdxin ta' dawk ta' taħt it-12-il sena u taħlita ta' nurseries minn Malta. Il-Membru Parlamentari Ewropew Simon Busuttil se jattendi din l-okkażjoni miftuħa għall-pubbliku. F'Malta, l-attivitajiet ta' Jum l-Ewropa se jsiru fil-ġimgħa ta' wara: nhar it-Tnejn 9ta' Mejju ġewwa l-Belt. Pjazza San Ġorġ, quddiem il-Palazz tal-President, se tinbidel u ssir ċelebrazzjoni interattiva u edukattiva għal kulħadd. Fuq ġewwa, fil-Parlament, se jsir dibattitu bejn l-istudenti u l-politiċi, inklużi l-Membri Parlamentari Ewropej. Dwar dan se jkun hemm aktar tagħrif fl-edizzjoni li jmiss tal-fuljett tal-MEUSAC.
Ejja u ħu sehem u ċċelebra Jum l-Ewropa magħna!
|