Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

L-ambjent u l-ilma: proposta sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' tniġġis tal-ilma
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

31/01/2012 14:05:10

Jista' jkun li t-titjib fil-kwalità tal-ilma fl-UE jinsab f'riskju minħabba forom ġodda ta' tniġġis kimiku.  Il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid 15-il sustanza kimika mal-lista ta' 33 sustanza li jniġġsu u li huma sorveljati u kkontrollati fl-ilmijiet tal-wiċċ tal-UE.

    Dan huwa pass ieħor lejn it-titjib fil-kwalità tal-ilmijiet tax-xmajjar, lagi u l-ilmijiet kostali tagħna. Il-15-il sustanza jinkludu sustanzi kimiċi industrijali kif ukoll sustanzi użati fil-prodotti bijoċidali, farmaċewtiċi u dawk għall-ħarsien tal-pjanti.  Dawn intgħażlu skont l-evidenza xjentifika li turi li jistgħu jkunu ta' riskju sinifikanti għas-saħħa.

    Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "It-tniġġis tal-ilma huwa wieħed mill-elementi ta' tħassib ambjentali li l-aktar jissemma' miċ-ċittadini tal-UE. Ninsab sodisfatt b'dan l-avvanz hekk kif qed iwieġeb b'mod ċar għall-aspettattivi tan-nies. Jeħtieġ li dawn il-15-il sustanza kimika addizzjonali jkunu sorveljati u kkontrollati sabiex ikun żgurat li ma jkunux ta' riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bnedmin."

    L-aġġornament għandu jinkiseb permezz ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar is-sustanzi ta' prijorità fil-qasam tal-kwalità tal-ilma. Is-sustanzi li għadhom kemm ġew proposti huma r-riżultat ta' analiżi li kkunsidrat ir-riskji ta' madwar 2000 sustanza skont il-livelli tagħhom fl-ilmijiet tal-wiċċ u l-periklu, il-produzzjoni u l-użu tagħhom. Għal sitta mill-15-il sustanza ġdida ta' prijorità , il-klassifikazzjoni proposta għandha tkun tesiġi li l-emissjonijiet tagħhom fl-ilma jiġu eliminati gradwalment fi żmien 20 sena. Il-proposta tinkludi wkoll standards aktar stretti għal erba' sustanzi li bħalissa qed ikunu kkontrollati u tesiġi li jiġu eliminati gradwalment l-emissjonijiet ta' tnejn oħra li diġà qiegħdin fil-lista.

    Il-15-il sustanza ta' prijorità addizzjonali proposti huma:

    • Sustanzi minn prodotti għall-ħarsien tal-pjanti: Aklonifen, Bifenoks, Ċipermetrina, Dikofol, Ettaklor, Kwinossifen
    • Sustanzi użati fi prodotti bijoċidali: Ċibutrina, Diklorvos, Terbutrina
    • Sustanzi kimiċi industrijali: Aċidu persulfoniku perfluworottan (PFOS), Eżabromoċiklododekan (HBCDD)
    • Prodotti sekondarji ta' kombustjoni: Diossina u PCB simili għad-diossini 
    • Sustanzi farmaċewtiċi: 17 alfa-etinilestradjol (EE2), 17 beta-estradjol (E2), Dikolofenak

    Għall-ewwel darba, qed jiġu proposti l-farmaċewtiċi. Il-proposta ma titfax dubju fuq il-valur mediċinali ta' dawn is-sustanzi, iżda tindirizza l-effetti ta' ħsara li jista' jkun hemm minħabba l-preżenza tagħhom fl-ambjent akkwatiku. Konċentrazzjonijiet li jissuperaw l-istandards proposti jistgħu jħallu effett fuq is-saħħa tal-ħut u, pereżempju, jistgħu jnaqqsu riproduzzjoni b'suċċess u jagħmlu ħsara lill-organiżmi ħajjin oħra. Matul dawn l-aħħar snin, sirna ferm aktar konxji mill-impatt tal-farmaċewtiċi fuq l-ambjent, u l-proposta hija bbażata fuq l-aktar għarfien xjentifiku riċenti.

    Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll titjib fil-monitoraġġ u r-rappurtar tas-sustanzi kimiċi li jniġġsu u li huma preżenti fl-ilma, kif ukoll mekkaniżmu sabiex tinkiseb informazzjoni aħjar dwar il-konċentrazzjonijiet ta' sustanzi oħrajn li jniġġsu li jista' jkollhom il-ħtieġa li fil-futur ikunu kkontrollati fil-livell tal-UE. Il-proposta tal-Kummissjoni hija akkumpanjata minn rapport għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-riżultat tar-reviżjoni tal-lista eżistenti ta' sustanzi kkontrollati.

    Il-Passi li Jmiss
    Il-Kummissjoni qed tipproponi lista riveduta bħala parti mid-Direttiva li temenda id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD - Water Framework Directive) u d-Direttiva dwar standards ta' kwalità ambjentali (EQSD). Il-proposta se tgħaddi għand il-Kunsill u l-Parlament għal diskussjoni u għall-adozzjoni.

    Bħala regola ġenerali, sal-2021, l-Istati Membri jridu jiksbu standards ta' kwalità ambjentali għal Sustanzi ta' Prijorità ġodda (l-iskadenza tat-tieni Pjan dwar il-Ġestjoni tal-Baċiri tax-Xmara). F'każijiet speċifiċi jistgħu jingħataw skedi itwal ta' żmien jekk ikunu applikabbli l-kundizzjonijiet għal eżenzjonijiet stabbiliti fil-WFD. 

    Sfond
    L-għan prinċipali tal-politika dwar l-ilma tal-UE huwa dak li tiżgura li fl-UE tkun disponibbli kwantità suffiċjenti ta' ilma ta' kwalità tajba u din tkun użata b'mod aktar effiċjenti għall-ħtiġijiet tan-nies u n-negozji, kif ukoll għall-ħarsien tal-ambjent. Fis-sena 2000, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) stabbilixxiet qafas legali sabiex tħares u tirrestawra l-ilma nadif madwar l-Ewropa kollha u sabiex tiżgura l-użu sostenibbli tal-ilma fit-tul. L-għan ġenerali tal-WFD huwa li, sal-2015, jinkiseb stat tajjeb għall-ilmijiet kollha, bħal lagi, xmajjar, nixxigħat u akwiferi ta' taħt l-art.

    L-Artikolu 16 tal-WFD jistabbilixxi "Strateġiji kontra t-tniġġis tal-ilma" li jispjega l-passi li għandhom jittieħdu. L-ewwel pass kien l-istabbiliment tal-ewwel lista ta' sustanzi ta' prijorità fl-2001, li saret Anness X tal-WFD.

    Ir-reviżjoni tal-lista, hekk kif meħtieġa mill-WFD u l-EQSD, ħadet aktar minn tliet snin biex issir minħabba l-analiżi teknika estensiva involuta għall-identifikazzjoni ta' Sustanzi ta' Prijorità ġodda possibbli u l-istabbilment ta' standards ta' kwalità ambjentali (EQS) applikabbli għalihom.
    Mill-15-il sustanza addizzjonali, dawn li ġejjin huma proposti bħala Sustanzi Perikolużi ta' Prijorità: Dikofol, Kwinossifen, PFOS, Ettaklor, HBCDD, Diossina u PCB simili għad-diossini. Is-sustanzi li diġà jinsabu fil-lista iżda li għandhom ikunu suġġetti għal standards stretti huma: Difenileteri Bromurati, Fluworanten, Nikil, Idrokarburi Poliaromatiċi (PAHs). Iż-żewġ sustanzi eżistenti li għandhom isiru Sustanzi Perikolużi ta' Prijorità huma d-Dietileżilftalat u t-Trifluralina.

    Għal aktar tagħrif:
    Proposta għal direttiva riveduta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sustanzi ta' prijorità fil-qasam tal-kwalità tal-ilma 
    Ara wkoll MEMO/12/59

    Ara wkoll:
    Sustanzi kimiċi fl-ilma (sit tal-Ewropa)
    Lista ta' sustanzi ta' prijorità attwali
    Direttiva Attwali dwar is-Sustanzi ta' Prijorità(Direttiva 2008/105/KE)
     

    L-aħħar aġġornament: 31/01/2012  |Fuq