Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Erasmus: għal 25 sena sħaħ jibdel ħajjiet in-nies u jiftħilhom moħħhom
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

30/01/2012 12:27:20

l-Erasmus, l-iktar programm ta' skambju ta' studenti li għamel suċċess fid-dinja, din is-sena jiċċelebra l-25 anniversarju tiegħu. Kważi tliet miljun student ibbenefikaw minn perjodu ta' studju jew ta' impjieg barra l-pajjiż wara l-ħolqien tal-programm Erasmus fl-1987. Permezz tas-slogan, "Erasmus: għal 25 sena sħaħ jibdel ħajjiet in-nies u jiftħilhom moħħhom", iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ġublew tal-fidda se jingħataw bidu llum minn Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropea għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

 

    Il-mobilità tal-Erasmus tinsab fiċ-ċentru tal-istrateġija tal-Kummissjoni fil-ġlieda tagħha kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ billi tikkonċentra aktar fuq l-iżvilupp tal-ħiliet – punt li se jkun diskuss mill-kapijiet tal-istat u tal-gvern fil-Kunsill Ewropew Informali tal-lum.

    "L-impatt tal-Erasmus kien tremend, mhux biss għall-istudenti individwali, imma wkoll għall-ekonomija tal-Ewropa kollha kemm hi. Permezz tal-appoġġ tiegħu għat-tagħlim ta' kwalità għolja u sistema ta' edukazzjoni għolja moderna, flimkien ma' rabtiet eqreb bejn il-qasam akkademiku u dawk li jħaddmu, huwa qed jgħinna nindirizzaw in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet. L-Erasmus jagħti wkoll il-fiduċja u l-kapaċità liż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jaħdmu f'pajjiżi fejn jista' jkun hemm impjiegi adattati, u ma jinqabdux minn nuqqas ta' tlaqqigħ ġeografiku," qal il-President Barroso.

    Il-Kummissarju Vassiliou żiedet: "L-Erasmus huwa wieħed mill-istejjer ta' suċċessi kbar tal-Unjoni Ewropea: huwa l-iktar programm magħruf u popolari tagħna. L-iskambji tal-Erasmus jippermettu lill-istudenti jtejbu l-għarfien tal-lingwi barranin u jiżviluppaw ħiliet bħall-addattabilità li jtejbu l-prospettivi fil-karriera. Joffri wkoll opportunitajiet biex għalliema u persunal ieħor jaraw kif taħdem l-edukazzjoni għolja f'pajjiżi oħra u biex iġibu l-aħjar ideat lura magħhom. Id-domanada għall-postijiet taqbeż sewwa r-riżorsi disponibbli f'ħafna pajjiżi – waħda mir-raġunijiet għala qed nippjanaw li nkabbru l-opportunitajiet għal studju u taħriġ barra l-pajjiż skont il-programm il-ġdid propost għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, Erasmus għal Kulħadd."

    Fis-sena akkademika 2011/2012, iktar minn 250,000 student se jibbenefikaw mill-programm Erasmus. L-iktar destinazzjonijiet popolari mal-istudenti mistennija li jkunu Spanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Italja, waqt li l-pajjiżi li l-iktar mistennija li jibagħtu studenti huma Spanja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Polonja. L-UE allokat madwar EUR 3 biljun għall-Erasmus għall-perjodu 2007-13.

    Erasmus għal Kulħadd se jgħaqqad flimkien l-iskemi kollha tal-UE u dawk internazzjonali li jeżistu bħalissa fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, u jissostitwixxi seba' programmi eżistenti bi programm wieħed. Dan se jżid l-effiċjenza, jagħmilha iktar faċli biex wieħed japplika għall-għotjiet, kif ukoll inaqqas id-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni. Bil-programm il-ġdid, sa ħames miljun ruħ, kważi d-doppju tan-numru bħalissa, huma fil-mira li jkollhom l-opportunità li jistudjaw, jitħarrġu jew jgħallmu barra l-pajjiż. Il-proposta tal-Kummissjoni attwalment qed tiġi diskussa mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew, li jiddeċiedu l-baġit futur.

    Avvenimenti li jfakkru ċ-ċelebrazzjoni
    Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 anniversarju tal-programm Erasmus se jingħataw bidu fi Brussell illum b'konferenza li se tevalwa l-impatt tal-programm u se tiddiskuti l-futur tiegħu. Id-Danimarka, li għandha l-Presidenza tal-UE fl-ewwel nofs tal-2012, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, se torganizza wkoll konferenza ta' segwitu f'Kopenħagen fid-9 ta' Mejju. Il-ġublew ser ikun imfakkar ukoll permezz ta' avvenimenti organizzati fl-Istati Membri.

    "Ambaxxaturi tal-Erasmus" minn 33 pajjiż li qed jipparteċipaw fl-iskema se jkunu preżenti f'ħafna minn dawn l-avvenimenti. L-ambaxxaturi, flimkien ma' student u membru tal-persunal, intgħażlu biex jirrappreżentaw kull pajjiż, fuq il-bażi tal-impatt li l-Erasmus ħalla fuq il-ħajja professjonali u privata tagħhom; ir-rwol tagħhom huwa li jinkoraġġixxu studenti oħra u persunal jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li joffri biex jibdel il-ħajjiet u jiftaħ l-imħuħ. Waqt il-konferenza ta' Kopenħagen f'Mejju, huma se jippreżentaw il-"Manifest tal-Erasmus" li se juri l-viżjoni tagħhom dwar kif l-iskema tista' tiżviluppa fil-futur.

    Sfond
    Il-programm Erasmus tnieda fl-1987 permezz ta' 3,244 student avventuruż li ħadu sehem f'esperjenzi ta' tagħlim f'wieħed minn 11-il pajjiż li inizjalment ipparteċipaw fil-programm. Bħalissa, 33 pajjiż qed jieħdu sehem fl-iskema – 27 Stat Membru tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija.

    Fil-25 sena li għaddew, il-programm kellu żieda kostanti kemm fin-numru ta' studenti kif ukoll fil-kwalità u d-diversità tal-attivitajiet proposti. Għalliema u persunal ieħor, bħall-uffiċjali tar-relazzjonijiet internazzjonali universitarji li ħafna drabi jkunu l-ewwel punt ta' kuntatt għal studenti potenzjali tal-Erasmus, jistgħu jgawdu wkoll mill-appoġġ tal-UE sabiex jgħallmu u jitħarrġu barra l-pajjiż - kważi 40,000 għamlu hekk fl-2010/2011.

    It-taħriġ professjonali ma' kumpaniji f'pajjiżi barranin ilu jirċievi appoġġ mill-Erasmus mill-2007, u kulma jmur qed isir iktar popolari. Sa issa diġà ngħataw għotjiet lil kważi 150,000 student għal dan l-għan. Fl-2009/10, 35,000 student (total ta' wieħed minn kull sitta) għażlu taħriġ għax-xogħol barra l-pajjiż, li kien 17 % aktar mis-sena ta' qabel.

    Għal iktar tagħrif:
    Ara wkoll il-memo dwar Mistoqsijiet li Jsiru ta’ Spiss: Il-Programm Erasmus (MEMO/11/54)
    Għal iktar dwar il-programm Erasmus http://ec.europa.eu/education/erasmus 
    Filmati tal-intervisti mal-Ambaxxaturi tal-Erasmus:
    http://ec.europa.eu/education/erasmus/ambassadors_en.htm

    L-aħħar aġġornament: 30/01/2012  |Fuq