Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Prosit lit-tradutturi żgħażagħ tal-UE
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

28/01/2013 14:35:09

Illum (28 ta' Jannar, lista tal-istudenti/l-iskejjel rebbieħa hawn taħt) ħarġu l-ismijiet tas-27 rebbieħ tal-Juvenes Translatores, li hija kompetizzjoni annwali għal tradutturi żgħażagħ organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rebbieħa Maltija hija Janice Valentina Bonnici li tattendi l-Junior College tal-Imsida. Daħlu għall-kompetizzjoni f'Novembru 2012 'il fuq minn 3 000 student minn 750 skola. Ir-rebbieħa – wieħed minn kull pajjiż tal-UE – se jkunu mistiedna għal ċerimonja ta' premjazzjoni fi Brussell fil-11 ta' April biex jirċievu l-premjijiet tagħhom mill-Kummissarju Androulla Vassiliou u se jkollhom ukoll l-okkażjoni li jaraw kif jaħdmu t-tradutturi tal-Kummissjoni.

    Prosit lit-tradutturi żgħażagħ tal-UE

    Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ qalet “Il-kompetizzjoni hija mod eċċellenti kif nippromwovu t-tagħlim tal-lingwi u t-traduzzjoni bħala karriera potenzjali. Il-ħiliet tal-lingwi huma preġju kbir: huma jiftħu l-imħuħ u jafu jagħtu spinta lil dak li jkun fil-kapaċità tiegħu li jsib xogħol, li fl-ambjent ekonomiku li ninsabu fih bħalissa, huwa importanti ħafna."

    Il-kompetituri ttraduċew test ta' paġna abbażi tal-għażla tagħhom minn kumbinazzjoni ta' 506 lingwi li hija possibbli permezz tat-23 lingwa uffiċjali tal-UE. Fil-fatt it-23 lingwa ntużaw kollha kemm huma bħala lingwa sors. Ir-rebbieħa Maltija Janice Valentina Bonnici, ittraduċiet mill-Ingliż għall-Malti. Ir-rebbieħa wrew diversità lingwistika konsiderevolli, -11 minnhom ittraduċew mill-Ingliż, 5 mill-Franċiż, 5 mill-Ispanjol, 4 mill-Ġermaniż, 1 mill-Estonjan u 1 mill-Irlandiż. It-testi kkoriġewhom it-tradutturi tal-Kummissjoni.

    Il-kompetizzjoni, li ilha tiġi organizzata mill-2007, qed tkompli tikber fil-popolarità. Fil-kompetizzjoni tal-2012-2013, irreġistraw kważi 1 750 skola biex jieħdu sehem - li mbagħad minnhom intgħażlu bil-polza b'mod kompjuterizzat 750 għal raġunijiet ta' loġistika. Il-kompetizzjoni ħolqot netwerk tagħha nnfisha, li jippermetti l-istudenti, l-għalliema u l-professjonisti li jinteraġixxu permezz ta' Facebook, Twitter u blog.

    It-testi tat-traduzzjoni ffukaw fuq is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, li kienet it-tema tas-Sena Ewropea 2012, u varjaw minn ġrajjiet ta' tfal li għallmu lill-anzjani kif jużaw il-kompjuter sa lezzjonijiet tal-istorja li l-anzjani taw lit-tfal. It-testi kollha tħejjew mit-tradutturi tal-Kummissjoni biex jiġi żgurat li jkun hemm l-istess livell ta' sfida lingwistika fil-lingwi kollha.

    L-istudenti Kroati se jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-kompetizzjoni tal-2013-2014 għall-ewwel darba wara li pajjiżhom jingħaqad mal-UE u l-Kroat isir l-24 lingwa uffiċjali tagħha.
     
    Sfond
    Il-kompetizzjoni ‘Juvenes Translatores’ (‘tradutturi żgħażagħ’ bil-Latin) hija organizzata kull sena mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni. L-għan huwa li tippromwovi t-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel u li tagħti liż-żgħażagħ esperjenza ta' xi jfisser li tkun traduttur. Hija miftuħa għall-istudenti tas-sixth form li jkollhom 17-il sena (jiġifieri fil-każ tal-kompetizzjoni 2012-2013 għal dawk li twieldu fl-1995) u ssir fl-istess waqt fl-iskejjel kollha li jintgħażlu madwar l-Ewropa kollha. Il-kompetizzjoni wasslet biex uħud minn dawk li ħadu sehem fiha għażlu l-istudju tal-lingwi u oħrajn saru tradutturi. 
     
    Aktar informazzjoni:
    Sit bil-kontenut: ec.europa.eu/translatores
    Facebook: facebook.com/translatores
    Twitter: @translatores
    JT blog għall-għalliema: http://blogs.ec.europa.eu/translatores/
    DG Translation: ec.europa.eu/dgs/translation
    Is-sit ta' Androulla Vassiliou: ec.europa.eu/commission_2010-2014/vassiliou
     

     

    L-aħħar aġġornament: 07/02/2013  |Fuq