|
F’Novembru 2010, il-Kummissjoni awtorizzat faċilità ta’ self ta’ EUR 52 miljun għall-Air Malta bħala għajnuna għas-salvataġġ (ara IP/10/1509), suġġetta għall-preżentazzjoni mill-awtoritajiet Maltin ta’ pjan ta’ ristrutturar fi żmien sitt xhur. F’Mejju 2011, Malta nnotifikat lill-Kummissjoni b’żieda fil-kapital ta’ EUR 130 miljun bħala għajnuna għar-ristrutturar tal-kumpanija, li ilha f’diffikulta għal bosta snin.
Il-Kummissjoni kellha għadd ta' dubji dwar jekk il-pjan ta' ristrutturar innotifikat kienx konformi mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida tal-UE dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar (ara IP/04/856 u MEMO/04/172) Għalhekk, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond f’Jannar 2012 (ara IP/12/42).
L-investigazzjoni tal-Kummissjoni sabet li l-pjan ta’ ristrutturar, li jkopri perjodu ta’ ħames snin sa Novembru 2015, huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet realistiċi u għandu jippermetti li l-Air Malta ssir vijabbli fi żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni hija sodisfatta li t-tnaqqis propost fil-kapaċità li jikkonsistu fl-irtirar minn ċerti rotot se jevita distorsjonijiet mhux dovuti tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-Air Malta se tikkontribwixxi għall-kostijiet tar-ristrutturar billi qed tbigħ art u assi oħra, kif ukoll billi takkwista self privat mill-bank.
Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni sabet li l-injezzjoni preċedenti tal-kapital tal-2004 saret skont il-kundizzjonijiet tas-suq u għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tar-regoli tal-UE.
Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-miżuri huma konformi mar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat tal-UE.
Sfond
L-għajnuna ta' salvataġġ u ristrutturar hija ta' dannu kbir għall-kompetizzjoni għaliex b'mod artifiċjali żżomm kumpanija fis-suq li, kieku mhux għal dik l-għajnuna, kienet toħroġ minnu. Il-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar jitolbu li l-pjan ta' ristrutturar jippermetti lill-benefiċjarju li, għat-tul, isir vijabbli, abbażi ta' suppożizzjonijiet realistiċi. Dan biex jiġi evitat li l-kumpanija tibqa' titlob għal appoġġ pubbliku. Peress li l-finanzjament pubbliku jagħti lil kumpanija vantaġġ ekonomiku li l-kompetituri tagħha ma jkollhomx, il-pjan għandu jipprevedi miżuri biex jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni indotti mill-appoġġ mill-Istat, bħal ma huma t-tnaqqis tal-kapaċità jew tas-sehem mis-suq. Barra minn hekk, biex jiġi evitat li l-benefiċjarju jieħu xi vantaġġ mhux mistħoqq, dan ikollu jagħmel kontribuzzjoni sinjifikanti hu stess għall-kostijiet tar-ristrutturar. Fl-aħħar, l-għajnuna ta' ristrutturar tista' tingħata darba biss fuq perjodu ta' għaxar snin (il-prinċipju 'darba, tal-aħħar').
Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni se ssir disponibbli taħt in-numru tal-każ SA.33015 fis-State Aid Register mill-Istat u fuq is-sit tad-DĠ Kompetizzjoni ladarba jkunu riżolti xi kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità li jista’ jkun hemm. Pubblikazzjonijiet ġodda dwar id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fuq l-internet u fil-Ġurnal Uffiċjali huma elenkati fl-State Aid Weekly e-News.
|