Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

Ambjent: Malta mitluba tiżgura l-protezzjoni tal-għasafar
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

27/02/2012 13:06:00

Il-Kummissjoni talbet lil Malta ttejjeb il-protezzjoni tal-għasafar li jgħaddu minn fuq il-gżejjer tagħha fil-ħarifa. Minn mindu Malta ssieħbet fl-UE fl-2004, ippermettiet l-insib fil-ħarifa ta' erba' speċijiet ta' għasafar protetti mil-liġijiet tal-UE: il-Gamiem, is-Summien, il-Pluviera u l-Malvizz.

    Fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata li titlob lil Malta timplimenta b'mod korrett il-leġiżlazzjoni rilevanti għall-protezzjoni tal-għasafar. Jekk Malta tonqos milli twieġeb fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tirreferi l-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

    Fl-Ewropa, il-biċċa l-kbira tal-għasafar selvaġġi huma protetti mid-Direttiva dwar l-Għasafar, u l-insib permezz ta' metodi ta' skala kbira u mhux selettivi, bħalma huma xbieki, huma ġeneralment ipprojbiti u jistgħu biss ikunu legalment ipprattikati taħt deroga mid-Direttiva. Tali eċċezzjonijiet jistgħu jingħataw biss jekk m'hemm l-ebda alternattiva vijabbli, jekk l-Istat Membru jirrispetta l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stretti stipulati fl-Artikolu 9 tad-Direttiva, u jekk ikun jista’ jagħti prova lill-Kummissjoni li dan ikun għamel hekk.

    F'Ġunju 2011 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' avviż formali lil Malta dwar l-applikazzjoni inkorretta tad-derogi li jippermettu l-insib tal-għasafar. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li Malta naqset milli tibgħat biżżejjed evidenza biex turi li d-derogi tagħha dwar l-insib jirrispettaw il-kundizzjonijiet neċessarji kollha tad-Direttiva u, b'mod partikolari, ir-regoli li jikkonċernaw:

    • l-iżgurar li jinqabad biss għadd żgħir ta' għasafar
    • l-immirar selettiv tal-ispeċijiet ikkonċernati mid-deroga, u
    • is-superviżjoni stretta tal-kundizzjonijiet tal-insib.


    Fit-tweġiba tagħhom lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Maltin ikkontestaw l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni u saħqu li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga kienu ssodisfati. Fl-2011, Malta bidlet ukoll id-deroga sabiex tapplika għal waħda mill-ispeċijiet biss, il-Malvizz. Iżda l-Kummissjoni għadha tqis li Malta naqset milli tipproduċi evidenza sodisfaċenti ta' sostenn u li applikat id-derogi inkorrettament, inkluża l-aktar deroga riċenti tal-ħarifa 2011. Għaldaqstant, il-Kummissjoni issa qiegħda tibgħat opinjoni motivata.


    Sfond
    L-għasafar huma parti sinifikanti mill-fawna tagħna u għandhom rwol importanti fl-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tal-ekosistemi tagħna. Ħafna għasafar fl-UE huma tal-passa u jirrappreżentaw patrimonju komuni, għalhekk protezzjoni effettiva tesiġi miżuri transkonfinali. Id-Direttiva dwar l-Għasafar, l-eqdem leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, toħloq skema komprensiva ta' protezzjoni għal kull speċi ta’ għasfur selvaġġ li jinsab b'mod naturali fl-Unjoni.

    Popolazzjonijiet tal-għasafar għandhom jinżammu f'livell li jiżgura s-sopravivenza fit-tul tagħhom. Id-Direttiva tirrikonoxxi l-kaċċa bħala attività leġittima, iżda tillimitaha strettament għal dak li huwa meħtieġ biex tikkonforma mal-prinċipji tal-użu għaqli, u sakemm tkun kompatibbli maż-żamma ta' popolazzjonijiet ta' speċijiet li jiġu kkaċċjati f’livell sodisfaċenti. Id-Direttiva tipprovdi sistema komprensiva għall-ġestjoni tal-kaċċa biex tiżgura li din il-prattika hija sostenibbli. Din tinkludi rekwiżit li jiddikjara illegali l-forom kollha ta' qtil fuq skala kbira u mhux selettiv tal-għasafar.

    Għall-istatistika attwali dwar il-ksur b'mod ġenerali ara:
    http://ec.europa.eu/environment/legal/implementation_en.htm  

    Ara wkoll:
    Id-Direttiva dwar l-Għasafar 
    MEMO/12/134

     

    L-aħħar aġġornament: 27/02/2012  |Fuq