Mogħdija tan-navigazzjoni


DWARNA
© Alberto Favaro

EC Representation in Malta

L-iffalsifikar tal-muniti tal-ewro fl-2011
Ibgħat din il-paġnaIbgħat din il-paġnaPrintPrint

27/01/2012 12:40:07

L-għadd ta’ muniti tal-ewro foloz imneħħija miċ-ċirkulazzjoni naqas bi 15 %, 157 000 munita meta mqabbel mal-186 000 tas-sena ta’ qabel. Id-denominazzjoni taż-2 ewro tibqa’ l-iktar munita ffalsifikata u tirrappreżenta kważi żewġ terzi tal-muniti tal-ewro foloz kollha identifikati. Il-livelli baxxi ta’ muniti tal-ewro foloz huma r-riżultat tal-isforzi kkombinati tal-Istati Membri, il-Kummissjoni/OLAF (l-Uffiċċju tal-UE kontra l-frodi) u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra.

    L-għadd kumplessiv ta’ muniti foloz huwa żgħir ħafna meta mqabbel mal-għadd totali ta’ madwar 16-il biljun munita tal-ewro ġenwina li jiġu ċċirkolati fl-ogħla tliet denominazzjonijiet (50c, EUR 1 u EUR 2). Dan jikkorrispondi għal munita falza waħda għal kull 100 000 munita ġenwina.

    Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għall-Ġlieda kontra l-Frodi qal: “Is-sidien tal-ħwienet, in-negozji ż-żgħar u ċ-ċittadini huma partikolarment f'riskju li jirċievu muniti u karti tal-flus foloz. Għaldaqstant, il-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-flus hija kruċjali għall-protezzjoni ta’ kontribwenti fiskali onesti. Ninsab kuntent li l-ewro huwa protett tajjeb permezz tal-ħidma tal-OlAF. Se nkomplu bl-isforzi tagħna biex nidentifikaw flus illegali jew biex inqaċċtu dawk l-attivitajiet illegali mill-Ewropa.”

    Sett komprensiv ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE ħalla riżultati tajbin fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-ewro. Dawn jinkludu leġiżlazzjoni, analiżi teknika u kooperazzjoni, koordinazzjoni tal-infurzar tal-liġi kif ukoll kooperazzjoni ġudizzjarja. Il-muniti ffalsifikati jistgħu jkunu rifjutati wkoll billi l-magni tal-bejgħ awtomatiċi jew magni oħra li jaħdmu bil-muniti jkunu aġġustati kif xieraq.

    Dawn il-miżuri jirriflettu l-isforzi u l-progress li għamlu l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE biex jidentifikaw u jneħħu muniti tal-ewro foloz miċ-ċirkolazzjoni. Sabiex jassistu dawn l-isforzi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Regolament li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012 li jistabbilixi r-regoli sabiex l-istituzzjonijiet finanzjarji jiżguraw li l-muniti tal-ewro kollha li jitqiegħdu lura fiċ-ċirkolazzjoni huma ġenwini.

    Fir-rigward tal-karti tal-flus tal-ewro ffalsifikati, fl-2011 kienu rtirati miċ-ċirkulazzjoni madwar 606 000 karta, kif ħabbar il-Bank Ċentrali Ewropew li huwa responsabbli għall-protezzjoni tal-karti tal-flus kontra l-iffalsifikar. L-għadd kumplessiv ta’ karti tal-flus iffalsifikati li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-2011 kien 19.3 % iktar baxx meta mqabbel mal-ammont tal-2010. L-iktar denominazzjonijiet iffalsifikati jkomplu jkunu l-karti tal-EUR 20 u tal-EUR 50.

    Il-Kummissjoni tmexxi l-Programm Pericles li huwa programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ iddisinjat speċifikament biex jitratta l-iffalsifikar tal-ewro.  Fl-2011, il-Kummissjoni/l-OLAF wettqu 16-il proġett taħt il-programm għall-protezzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-ewro kontra l-iffalsifikar. Prinċipalment dawn kienu konferenzi u seminars immirati għar-rappreżentanti tal-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet tal-banek ċentrali nazzjonali, il-banek kummerċjali, l-uffiċċji tal-iskambju tal-flus u l-awtoritajiet ġudizzjarji. Il-proġetti kellhom l-għan li jipprovdu assistenza teknika, xjentifika u operazzjonali, li jwasslu taħriġ professjonali speċjalizzat, li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u li joħolqu kuxjenza dwar l-iffalsifikar tal-ewro. Dawn l-attivitajiet għandhom jitkomplew taħt il-Programm Pericles 2020 li kien propost mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Diċembru 2011.

    Sfond
    Skont ir-regoli tal-UE (ir-Regolament KE Nru 1338/2001), il-Kummissjoni hija responsabbli għaċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC). L-ETSC janalizza u jikklassifika muniti tal-ewro foloz ittimbrati ġodda. Huwa stabbilit fl-OLAF u juża t-tagħmir tekniku u l-installazzjonijiet tal-Monnaie de Paris.

    Il-Kummissjoni tikkollabora mill-qrib ukoll mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Ewropol, l-Interpol u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa responsabbli għall-analiżi ta’ karti tal-flus tal-ewro ffalsifikati. Il-Ewropol u l-Interpol jappoġġjaw lis-servizzi tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata serja billi jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni u billi jipprovdu analiżi operazzjonali u strateġika.

    Aktar informazzjoni tinsab fuq din il-websajt:
    http://ec.ewropa.eu/anti_fraud/pages_ewro/index_mt.html 
    Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi:
    http://ec.ewropa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

    L-aħħar aġġornament: 07/02/2012  |Fuq